Il-lejla waqt il-ħdax -il jum tal-Kampjonat Ewropew tas-Snooker li qed isir f’Albena, l-Bulgarija, l-avventura tal-Maltin waqt dan il-kampjonat ġiet fi tmiemha hekk kif ħadd mill-erba’ timijiet ma irnexxielu jikseb post għas-semi finali li issa jsiru għada filgħodu.
L-ewwel tim tal-irġiel ta’ Malta dak ta’ Aaron Busuttil u Isaac Borg safa’ eliminat mit-tielet tim tal-Polonja iffurmat minn Michal Kotiuk u Jakub Chromy wara li tilfu 4-1 (36-60, 22-47, 49-79, 67-7 u 34-72). Minn kmieni l-Polakki ħadu vantaġġ ta’ tliet frames filwaqt li Busuttil rebaħ komdu r-raba’ frame iżda fil-frame suċċessiv Borg tilef kontra Chromy biex kienu l-Polakki li qatgħu passaġġ għas-semi finali.
It-tieni tim Malti tal-irġiel, dak ta’ Chris Peplow u Joseph Casha, kellhom ibaxxu rashom għal qawwa tat-team ta’ Iżrael kompost minn Shachar Ruberg u Eden Sharav li rebħu l-erba’ frames għal skor finali ta’ 4-0 (42-68, 13-77, 24-64 u 58-69). Li Peplow u Casha waslu sal-kwarti finali xorta kien suċċess meta wieħed iqies li huma qabżu ostaklu kbir aktar kmieni filgħodu sabiex ikkwalifikaw għal din il-fażi.
Anke’ ż-żewġ timijiet Maltin tas-Seniors tilfu ż-żewġ kwarti finali. L-ewwel tim Malti dak ta’ Alex Borg u Duncan Bezzina sofrew l-eliminazzjoni mill-ewwel tim ta’ Wales li fih hemm Darren Morgan ir-rebbieħ ta’ 13 -il titlu Ewropew tas-Seniors Individwali nkluż dak ta’ din l-edizzjoni. Ma’ Morgan il-player l-ieħor huwa Philip Williams. Huma fetħu vantaġġ ta’ żewġ frames iżda koppja Maltija naqqsu d-distakk fil-frames tad-doubles. Eżatt wara Morgan rebaħ lil Borg pero’ Bezzina patta’ u rebaħ lil Philips. Bil-konfront 3-2 il-Maltin segħtu sfurzaw biex immorru għal frame deċiżiv iżda l-frame tad-doubles ġie mirbuħ minn Wales biex għalqu l-konfront 2-4 favurihom (30-76, 71-76, 66-59, 41-59, 61-49 u 41-73).
It-tieni tim Malti tas-Seniors dak ta’ Philip Ciantar u Arthur Cachia tilfu kontra t-tieni tim Ingliż irrappreżentat minn Stephen Delaney u Graham Beardmore. Sat-tielet frame Ciantar u Cachia kienu 2-1 minn fuq iżda l-Ingliżi rebħu t-tliet frames suċċessivi u għalqu l-logħba bit-tieni frame tad-doubles għal punteġġ ta’ 2-4 (13-67, 57-27, 69-37, 41-56, 21-71 u 38-63).
Dan il-kampjonat issa jintemm għada bis-semi-finali u aktar tard il-finali. Fis-semi-finali tal-Irġiel l-ewwel tim tal-Polonja jiltaqa’ kontra t-tieni tim tal-Polonja stess filwaqt li ż-żewġ timijiet li eliminaw lil Maltin, l-Iżrael u t-tielet tim Polakk jilgħabu fis-semi finali l-oħra. B’hekk il-Polakki kkwalifikaw bit-tliet timijiet għas-semi finali.
Fil-kategorija tas-Seniors fl-ewwel semi-finali tkun bejn dawk li rebħu lit-timijiet Maltin, Wales 1 u Ingilterra 2 filwaqt li fit-tieni semi finali l-ewwel timijiet tal-Irlanda u l-Ingilterra jilgħabu għal post fil-finali.