Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jixtieq jinforma lill-pubbliku li l-operazzjoni sabiex jinħaraq gass li ħareġ minn bowser tal-LPG Liquigas fil-Mellieħa, issa ġiet fi tmiema. Din l-operazzjoni kienet ilha għaddeja minn nhar it-Tnejn filgħodu.
F’din l-operazzjoni l-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ħadu l-miżuri kollha tas-sigurtà sabiex il-gass seta’ jinħaraq fl-arja b’mod sigur. Tliet familji ġew evakwati mir-residenzi tagħhom. F’din l-operazzjoni intużaw diversi vetturi tat-tifi tan-nar kif ukoll numru ta’ bowsers privati, bl-ammont ta’ ilma użat laħħaq mal-150,000 litru.
Uffiċjali għolja tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll diversi pumpiera ħadmu qagħtieh matul dawn il-jumejn sabiex l-operazzjoni tkun taħt kontroll massimu.
Il-bowser ġie skortat minn fire engine u minn żewġ pulizija tat-traffic mill-Mellieħa lejn l-impjant tal-Liquidgas sabiex issa ssir it-tiswija neċessarja.
Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jixtieq jirringrazzja lil kull min b’xi mod ta s-sehem tiegħu sabiex din l-operazzjoni setgħet tintemm b’wiċċ il-ġid, fosthom lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, lill-uffiċjali tal-korp tal-Pulizija, kif ukoll lit-team mediku tal-ambulanza tal-Isptar Mater Dei tas-servizz provdut.
Ritratti – CPD/MHAS