Ġiet fi tmiemha edizzjoni oħra tal-Fish Fest b’suċċess, f’Marsaxlokk.
Wara s-suċċess li kisbet din l-attività s-sena li għaddiet, din l-attività ttellgħet sabiex tiċċelebra l-ħidma tas-sajjieda lokali, partikolarment waqt dan l-istaġun tal-lampuki.
Bosta għaqdiet u produtturi lokali, kellhom l-opportunità li jesponu l-orodotti tagħhom u diversi esebiti – fosthom mid-Dipartiment għas-Sajd u l-Aġenzija Aquatic Resources Malta.
Dan iċ-ċelebrazzjoni rat ukoll diversi bankarelli ta’ ikel relatat mal-ħut u frott tal-baħar.
Dan fl-isfond ta’ spettaklu ta’ għana u mużika lokali, fosthom minn artisti stabbiliti.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, fil-preżenza tas-Sindku ta’ Marsaxlokk Steven Grech, fetħet uffiċjalment din is-serata ċelebrattiva f’Marsaxlokk.
Hija qalet li din il-festa hija ċelebrazzjoni ta’ ħut lokali li teżalta l-ħidma tas-sajjieda lokali li ta’ kuljum joħorġu fuq il-bastimenti tagħhom sabiex jaqbdu s-sajda tagħhom.
Filwaqt li rringrazzjat lil kull min ta sehemu sabiex din l-edizzjoni tal-Malta International Fish Fest tittella’, hija rringrazzjat lis-sajjieda kollha, lill-bejjiegħa tal-ħut, u lill-għaqdiet li kienu parteċipi f’din l-edizzjoni.
Is-Sindku ta’ Marsaxlokk Steven Grech esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-Gvern reġa’ għażel li jtella’ il-Malta International Fish Fest f’Marsaxlokk.
Huwa sostna l-importanza li jsiru attivitajiet bħal dawn li jgħollu l-livell tal-lokal ta’ Marsaxlokk b’numru kbir ta’ viżitaturi mhux biss lokali, iżda wkoll turisti li jiġu f’pajjiżna, biex b’hekk jaraw il-ħidma li tkun għaddejja ta’ kuljum f’dan ir-raħal pittoresk.
Id-Direttur tal-Operat fi ħdan il-Ministeru, Estelle Bonello Sant, tkellmet dwar ix-xogħol li sar sabiex tittella’ din l-attività għat-tieni darba.
Hija rringrazzjat lill-ħaddiema kollha, li rnexxielhom iwettqu proġett ieħor bħal dan.