“Xi ħadd irid jixgħel il-bozza l-ħamra.” Hekk wieġbet il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Louise Anne Pulis meta mistoqsija għalxiex l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti Roberta Metsola u David Casa dejjem ħadmu qatigħ u ħarġu barra minn triqithom biex jattakkaw lil Malta, inkluż b’għadd ta’ mozzjonijiet bla bażi.
Pulis iddikjarat dan waqt dibattitu fil-programm ‘Vi Jew Va’, li fih ħadu sehem ukoll il-kandidata Laburista Marija Sara Vella Gafà u Sandra Gauci, il-Kap tal-ADPD u kandidata għall-Parlament Ewropew .
Il-preżentatur qal, “L-akkuża hi li l-MEPs tal-PN jagħmlu mozzjonijiet kontra Malta.”
Hija qalet, “Xi ħadd irid jixgħel il-bozza l-ħamra”
Din id-dikjarazzjoni mill-kandidata Nazzjonalista tkompli ma’ dak li qal Bernard Grech stess din il-ġimgħa meta ġie mistoqsi jekk l-MEPs tiegħu hux se jibqgħu jxewxu u jattakkaw lil Malta.
Qal, “Il-Partit Nazzjonalista kburi li kellu u għandu lil David Casa.”
Hu fatt magħruf kif Roberta Metsola u David Casa ħadmu qatigħ kontra pajjiżna fil-Parlament Ewropew u fil-kurituri tal-istituzzjonijiet tagħha.
Fil-fatt, f’kull okkażjoni, iż-żewġ MEPs Nazzjonalisti attakkaw lil Malta u ressqu mozzjonijiet, anke biċ-ċans li jintilfu fondi Ewropej għall-ġid tal-poplu tagħna, inkluż dawk bla ebda bażi.
Dan filwaqt li, meta quddiem il-Parlament Ewropew ġew dibattiti dwar kriżijiet kbar li ffaċċjaw il-Greċja u r-Rumanija, fost l-oħrajn, l-istess żewġ MEPs Nazzjonalisti kienu minn tal-ewwel li qabżu għal dawn il-pajjiżi li għandhom gvernijiet imsieħba fil-grupp tal-Partiti Popolari Ewropej, l-EPP, li tiegħu jagħmel parti l-Partit Nazzjonalista.
Fid-dawl ta’ dawn l-attakki u tfixkil mill-Partit Nazzjonalista, il-kandidata Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Marija Sara Vella Gafà sostniet li l-intenzjoni tal-Partit Laburista huma li jħarsu l-interess nazzjonali.
Qalet, “Kien il-Partit Nazzjonalista, bil-Membri Parlamentari tiegħu, li għamel erbatax-il mozzjoni kontra Malta. Dawk huma n-nies tal-Partit Nazzjonalista. Hu qed tgħidilna Louise Ann tagħmel l-istess. Tagħmel hi. Jien qatt ma nagħmilha. Isem pajjiżi qatt ma nasal inkasbru b’dak il-mod. Bl-ebda mod u fl-ebda istanza.”