Il-ħajja ta’ Ben, tifel ta’ għaxar snin bl-awtiżmu, ħadet xejra pożittiva malli akkwista lill Quincy, kelba tar-razza Golden Retriever, li temmet tmintax-il xahar ta’ taħriġ intensiv biex tagħti servizz lil min ibati minn din il-kundizzjoni.
Omm Ben spjegat ma’ ONE News il-progress li binha qed jagħmel bis-saħħa ta’ Quincy.
Joanna Zammit, omm Ben qalet “Hi tgħinu jintegra soċjalment. Waħda mill-kundizzjonijiet hija li tfal bl-autism ibatu biex jintegraw fis-soċjeta u hija l-ħabiba tiegħu. Tgħinu f’postijiet pubbliċi tieħu ħsiebu u tgħinu f’mumenti ta’ frustrazzjoni.”
Quincy ġiet mgħallma tħoss u tieħu azzjoni meta Ben ikun qed ibati minn xi sintomi li ġġib magħha l-kundizzjoni tal-awtiżmu.Spjegat kif “Mumenti ta’ frustrazzjoni tħossu lil Ben u tersaq lejh u titla miegħu biex hu iżomm kuntent u hu qisu jgħaddilu malajr.”
It-tama tal-ġenituri ta’ Ben hija li permezz ta’ Quincy, binhom ikun jista’ jgħix ħajja indipendenti kemm jista’ jkun.
Qalet “L-aspirazzjoni tagħna hi li Ben jiġi ndipendenti kemm jista jkun. Dik hija l-iktar ħaġa li nixtiequ li naraw, lil Ben indipendenti kemm jista jkun.”
Il-proġett ta’ servizz speċjalizzat minn klieb għal min ibati bl-awtiżmu huwa frott xogħol il-Fondazzjoni Service Dogs Malta, li minn meta twaqqfet fl-2013 ħarrġet b’suċċess sitt iklieb, kif spjega l-Viċi President tal-Fondazzjoni Joseph Stafrace.
Spjega kif “Il-kelb jgħin biex jikkalma lit-tifel u hekk it-tifel u l-familjari tiegħu ikollhom ħajja ta’ kwalità aħjar.”
Preżenti għall-gradwazzjoni ta’ Quincy kien hemm il-Ministru Evarist Bartolo, li sostna kif tfal bil-kundizzjoni tal-awtiżmu għandhom jiġu mgħejjuna għaliex għandhom ħafna talent x’joffru lis-soċjetà.