Il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u d-Drittijiet tal-Konsumatur fetaħ mill-ġdid skema intiża biex is-soċjetajiet mużikali jsiru aktar inklussivi.
L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li tgħaqqad aspett importanti tal-kultura Maltija – dak tal-festa tradizzjonali fl-ibliet u l-irħula, li qegħdin jirkupraw wara l-pandemija – ma’ soċjetajiet aktar inklussivi permezz ta’ proġetti tanġibbli.
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li l-iskema ntlaqgħet tajjeb ferm mis-soċjetajiet, tant li talbu sabiex din terġa tiġi varata sabiex jitwettqu aktar proġetti.
Fil-fatt, fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet, saru tmintax-il proġett.
Qalet, “Din kienet l-ewwel darba li l-Gvern ħoloq proġett li fih bagħat messaġġ b’saħħtu li dak li hemm miktub fl-Istrateġija Nazzjonali jiġi attwat, jiġifieri li kull min għandu diżabbilità għandu d-dritt li jgawdi l-kultura, l-arti, il-festi tagħna. B’kollox kellna tmintax-il soċjetà mużikali li kkwalifikaw għal dan il-proġett u din is-sena bdejna ninawguraw uħud minnhom.”
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li kull applikant jista’ jibbenefika minn sa massimu ta’ għaxart elef ewro, bit-total ta’ fondi allokati jlaħħqu l-mitt elf ewro.
Il-proġetti sottomessi mistennija jittrattaw diversi tipi ta’ diżabbiltajiet, fosthom dawk fiżiċi, intellettwali, u sensorjali.
Is-Segretarju Permanenti fl-istess Ministeru, Nancy Caruana, qalet li l-proġetti innovattivi se jġibu magħhom żieda fl-aċċessibiltà u l-parteċipazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà fil-qalba tal-irħula.
Il-President tal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda, Noel Camilleri, irrimarka li din l-iskema se twassal biex aktar nies igawdu l-festi, b’mod speċjali wara nuqqas ta’ sentejn.
Huwa silet parti mill-istħarriġ dwar l-Istat tan-Nazzjon, li sar bil-kollaborazzjoni tal-Uffiċċju tal-President, li nnota kif il-festi huma mistennija ferm mill-pubbliku ġenerali.
Qal, “Li qed terġa’ tiġi mnedija din l-iskema jfisser li hemm vot ta’ fiduċja mill-Ministru Julia Farrugia Portelli għax-xogħol kbir jsir mis-soċjetajiet tal-banda biex jinkludu u jinkorporaw lil min hu b’diżabbilità biex igawdi l-festi, mhux biss imma wkoll biex ikun hemm aktar aperturi għal ġos-soċjetajiet tal-banda tagħna biex hekk ukoll dawk in-nies jistgħu jaċċedu għalih mingħajr ebda diffikultà.”
L-applikanti għal din l-iskema għandhom ikunu reġistrati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Organizzazzjonijiet Volontarji u jkunu attivi fl-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda.
L-applikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mis-sit vofunding.org.mt u ż-żmien biex wieħed japplika jagħlaq fid-29 ta’ Lulju.