Maria Efimova, ir-Russa li hija akkużata bi sperġur u li ħalfet falz fil-gidba Egrant, qed tirrifjuta li tippreżenta provi li qabbdet esperti forensiċi biex jeżaminaw dak li qed tgħid hi.
Dan wara li ġabret ħmistax-il elf ewro biex skont hi tiffinanzja ħidmet l-esperti forensiċi li skont hi kkummissjonat ħalli jiġu verifikati dokumenti marbuta mal-Egrant.
Mas-sit Lovin Malta, Efimova qalet li tkellmet mal-esperti forensiċi u qalulha li mhu se joħroġ xejn sakemm hi tingħata status ta’ whistleblower minn Malta jew mill-Unjoni Ewropea.
Għal Efimova ħareġ mandat t’arrest Ewropew wara li hija mixlija li ħalfet falz quddiem dak iż-żmien Maġistrat Aaron Bugeja u li kissret il-kundizzjoniiet tal-libertà proviżorja imposti fuqha fl-2016, wara li din ħarbet minn Malta.
Il-Lovin Malta rrapporta li Efimova ma qalitx liema esperti qabbdet.
Is-sena l-oħra, Efimova kienet qalet li għandha evidenza biex tissostanzja dak li qalet dwar Egrant iżda għandha bżonn tqabbad esperti biex jivverfikaw kollox u għalhekk talbet biex jinġabru l-flus għal dan il-għan.
Efimova, li anki żewġha kien ikkonferma li esponenti tal-establishment Nazzjonalista, primarjament David Casa u Manuel Delia, iffinanzjawha xi darba, ġabret ħmistax-il elf ewro bil-crowd funding.
Lil-Lovin Malta qaltilhom li tlettax-il elf ewro nefqithom fuq analiżi forensika fejn skont hi, espert kellu anki jsiefer u imbagħad qalet li żammet elfejn ewro bħala riżerva.
Skont ir-Russa, hija għandha rċevuti ta’ x’nefqet u kienet se tippubblikahom bil-permess tal-esperti li skont hi qabdet iżda issa mhiex se tippubblikahom għaliex trid li Malta ttiha status ta’ whistle blower.