L-għeluq tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kompla jesponi l-firda u l-ġlied li qed jiddomina fil-Partit Nazzjonalista.
Dan deher ċar fid-diskors ta’ Doris Zammit, il-President tal-Kumitat Sezzjonali ta’ Ħal Qormi tal-PN.
Fil-fatt, fid-diskors tagħha Zammit ħammret wiċċ il-Kap u l-amministrazzjoni tal-Partit Nazzjonalista hekk kif ilmentat dwar in-nuqqas ta’ importanza li t-tmexxija ta’ Grech qed tagħti lill-Kumitati Sezzjonali.
Tant hu hekk li fid-diskors tagħha, sostniet li kandidati nazzjonalisti jużaw dawn il-kumitati biss sabiex idaħlu lil nieshom fil-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista. Dikjarazzjoni ċara li timmina t-tmexxija tal-Kap Nazzjonalista.
“B’dispjaċir iva ngħid li hemm ċirkustanzi fejn xi wħud mill-membri eletti fil-Kumitati Sezzjonali jkunu hemm biss f’isem il-kandidati jew deputati li jikkontestaw l-elezzjoni ġenerali. Dan m’għandux ikun.”
Zammit ma waqfitx hawn hekk saħansitra sostniet li dawn il-membri ma jattendux għal-laqgħat li jsiru.
“Dawn il-membri eletti fil-Kumitati Sezzjonali qatt ma jattendu għall-laqgħat ħlief meta tkun ser issir xi ħaġa partikolari jew meta se tkun issir l-elezzjoni ġenerali.”
Kien hawn li l-iskumdita bdiet tagħmel tagħha fis-sala fejn kienet qed issir il-konferenza, tant li l-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN Mark Anthony Sammut, waqqaf ħesrem l-indirizz ta’ Zammit.
Madankollu Zammit kompliet tinsisti.
Mark Anthony Sammut – “Grazzi ħafna Doris, skada l-ħin.”
Doris Zammit – “Le ftit ieħor baqali ftit żgħira, mhux se ndum.”
Mark Anthony Sammut – “Grazzi ħafna Doris, jekk għandek aktar proposti nitolbok tgħaddihom bil-miktub lis-Segretarju Ġenerali
Doris Zammit – Grazzi ħafna imma.
U jekk m’hemmx konferma biżżejjed tal-firda fil-Partit Nazzjonalista, waqt il-konferenza, wara li ġiet imwaqqfa milli tkompli bil-messaġġ tagħha, Zammit dehret titlaq mill-konferenza evidentament urtata b’dak li kien għadu kif ġara.