Kumpanija ewlenija tal-mobiles għadha kemm tilfet biljuni ta’ ewro minħabba diversi splużjonijiet tal-batteriji tagħha. Fil-futur, apparat elettroniku se jevita din il-problema permezz tal-użu tad-dawl flok l-elettriku.
Għalfejn jisħnu l-mowbajls u l-kompjuters?
“Bħal meta tkaxkar sieqek fuq xi tapit, l-elettriku li għaddej fil-mowbajl li għandek fil-but kapaci jsaħħnu. Difett zgħir ikun biżżejjed biex il-mowbajl jisplodi” spjegalna Dr André Xuereb.
Tkellimna miegħu fid-dawl li xjenzjati minn Malta u ħdax-il pajjiż ieħor ser isolvu din il-problema. Il-konsorzju HOT (Hybrid Optomechanical Technologies) inagħta €10 milljuni mill-Kummissjoni Ewropea biex joħloq teknoloġiji ġodda li jaħdmu bid-dawl.
Dan hu rikonoxximent tar-riċerka ewlenija li ssir fid-Dipartiment tal-Fiżika fi ħdan l-Università ta’ Malta. Il-parteċipazzjoni lokali hi mmexxija minn Dr André Xuereb.
“Biex nifhmu kif jaħdmu dawn it-teknoloġiji, irridu nimmaġinaw id-dawl bħal ilma ħiereġ minn vit. Persuna jew mera tiġi mbuttata meta tintlaqat mid-dawl. Il-mera li għandek fil-kamra tal-banju tieghek kemm kemm titħarrek meta tixgħel bozza. Madankollu, mera tant ċkejkna li tkun irqaq minn xagħra tħossha ferm is-saħħa tad-dawl”.
Dr Xuereb kompla jispjega: “bin-nanoteknoloġija sar possibli li jinbnew oġġetti tant zgħar li ftit dawl kapaċi jċaqlaqhom minn naħa għal oħra. Permezz ta’ dan l-effett, tkun tista’ tixgħel jew titfi swiċċ billi tuża d-dawl biss.
Dawn is-swiċċijiet li jaħdmu bid-dawl ser jgħinu biex jitneħħa l-elettriku mill-kompjuters. Kejl hekk imsejjah ottomekkaniku jirnexxielu jkejjel movimenti ċkejkna. Dan il-kejl jista’ ukoll jaħdem taħt l-art, fejn il-GPS jintilef. Teknoloġiji HOT jistgħu ukoll ikejlu sinjali debboli, u b’hekk isibu użu f’apparat (MRI) li sptarijiet jużaw biex jistudjaw il-ġisem.”
Dan il-proġett ser jibni numru ta’ dawn it-teknoloġiji ottomekkaniċi u saħansitra anke jinkorporhom fil-kompjuters tal-futur.
Temm jgħid “tistagħġeb xejn jekk il-mowbajl li jmiss tiegħek ikun jaħḣdem bid-dawl!”