Il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej u l-Artijiet, Silvio Schembri, ilbieraħ fetaħ uffiċjalment il-Fiera l-Kbira, li qed tittella’ f’Montekristo u li se tibqa’ miftuħa sas-16 ta’ Lulju.
Din il-fiera qed terġa’ tittella’ għall-ewwel darba wara waqfa ta’ tliet snin minħabba l-pandemija.
“Illum, aktar minn qatt qabel, sirna nirrikonoxxu l-importanza tad-diġitalizzazzjoni għas-suċċess tan-negozji tagħna. Iżda l-fiera ġġib flimkien elementi uniċi li jibqgħu jżommuha popolari, fosthom l-element personali bejn il-bejjiegħ u x-xerrej u l-atmosfera unika ta’ ħarġa għall-familja kollha,” tenna l-Ministru Silvio Schembri.
Il-ministru qal li sabiex tkompli tissaħħaħ l-ekonomija ta’ pajjiżna, ilkoll flimkien jridu jadattaw għar-realtajiet tal-lum u filwaqt li jibqgħu joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom, iridu joffru soluzzjonijiet innovattivi u li jirrispettaw lill-ambjent.
Huwa awgura suċċess lill-organizzaturi u ’l fuq minn 120 esibitur li qed jieħdu sehem f’din il-fiera.
Ritratt: MEFL