Bit-tema Making the United Nations relevant to all people, fetħet uffiċjalment it-73 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda. Fi New York, il-mexxejja dinjin ingħaqdu flimkien għall-ewwel diskorsi fost oħrajn tas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda António Guterres u tal-President tal-Istati Uniti Donald Trump.
F’kummenti lill-meżżi tax-xandir, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ta’ kull sena, din il-ġimgħa tkun importanti ħafna biex il-mexxejja jiltaqgħu bejniethom u jiddiskutu formalment u informalment dwar is-soluzzjonijiet għal sitwazzjonijiet kontroversjali.
Semma’ fost oħrajn kif pajjiżi individwali jieħdu inizjattivi bħal dawk bejn l-Istati Uniti u l-Korea ta’ Fuq. Is-sena l-oħra kulħadd kien inkwetat bl-eskalazzjoni bejn iż-żewġ naħat. Illum, is-sitwazzjoni tjiebet ħafna iżda issa qed teskala s-sitwazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Iran.
Dr Muscat qal li l-ħidma multilaterali twassal għal soluzzjonijiet sensibbli. Fl-istorja ta’ pajjiżna kien hemm diversi inizjattivi simili li ħallew il-frott bħal-liġi tal-baħar, il-klima u d-drittijiet tat-tfal. Dak huwa l-mod kif Malta se tkompli taħdem biex tikseb iktar riżultati fil-qafas tal-Ġnus Maqgħuda.
Dwar it-tibdil fil-klima, suġġett li ssemma ħafna fil-ftuħ tal-Assemblea Ġenerali, il-Prim Ministru qal li Malta hija kburija li tagħmel parti mill-ftehim ta’ Pariġi.
Is-sitwazzjoni ta’ pajjiżna tjiebet ħafna bil-qalba għall-gass fil-ġenerazzjoni tal-elettriku. Iżda dan għadu mhux bizejjed u issa r-riforma li jmiss huwa l-pjan li jrid joħroġ għal konsultazzjoni biex ikun stabbilit meta f’pajjiżna ma jibqgħux jinbiegħu karozzi li jaħdmu bil-petrol u d-diesel. Dr Muscat temm jgħid li Malta qed tħares ‘il quddiem biex ikollha data ambizzjuża li twassal għal iktar titjib fil-kwalità tal-arja.