Il-Gvern nieda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar ir-riforma fil-pensjonijiet għas-snin li ġejjin li tagħlaq fit-tletin ta’ Marzu li ġej.
Fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali jeżisti grupp ta’ strateġija għall-pensjonijiet li għadu kif lesta rapport analitiku tiegħu dwar l-iżviluppi li seħħew fis-sistema tal-pensjonijiet f’pajjiżna fl-aħħar ħames snin.
Ir-rapport li jsir minn dan il-grupp indipendenti mill-Gvern kull ħames snin jipproġetta wkoll l-qagħda tas-sistema tal-pensjonijiet sas-sena 2070.
F’dan l-istadju, ir-rapport li tpoġġa anki fuq il-mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti, ma fih ebda rakkomandazzjoni iżda mistenni jqanqal diskussjoni favur it-tisħiħ tal-pensjonijiet filwaqt li tiġi garantita l-adegwatezza u s-sostennibiltà tas-sistema tal-pensjonijiet.
Il-Ministru għas-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon spjega kif fl-analiżi tiegħu l-grupp innota kif bl-iżviluppi li kien hemm fl-aħħar snin fil-qagħda ekonomika li kull sena tjiebet u fis-suq tax-xogħol, li ssaħħaħ ukoll, qed ikun ipproġettat titjib sostanzjali fl-adegwatezza tal-pensjonijiet.
Fil-fatt, filwaqt li fl-2010, l-adegwatezza tal-pensjoni kienet ikkalkulata li se tilħaq is-46% sal-2060, issa qed ikun stmat li se tilħaq il-55% sal-2070, titjib ta’ 9 punti perċentwali.
Qed ikun imbassar ukoll titjib f’dik li hija sostenibbiltà, fejn filwaqt li d-defiċit tas-sistema tal-pensjoni fl-2010 li kien ikkalkulat li se jilħaq il-5.8% tal-Prodott Domestiku Gross sal-2060, issa qed ikun ikkalkulat li se jilħaq it-3% tal-Prodott Domestiku Gross sal-2070.
Dan ifisser li sa kważi ħamsin sena oħra, id-defiċit tal-pensjoni hu mbassar li jkun kważi n-nofs ta’ dak ta’ għaxar snin qabel.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Il-projection tal-2070 hija 9% aħjar mill-projection tal-2060. Allura l-adegwatezza hemmhekk qed narawha togħla b’9% u min-naħa l-oħra l-projection għal dak li huwa żbilanċ meta wieħed iqabblu mal-GDP, isib li hemmhekk minn 5.8%, il-projection tal-2060, meta naraw il-projection tal-2070, qed nitkellmu fuq 3%.”
Eventwalment grupp tekniku se jkun qed jevalwa l-opinjonijiet u s-suġġerimenti li jsiru mill-għaqdiet u korpi kostitwiti, mis-soċjetà ċivili, l-għaqdiet tal-pensjonanti u kif ukoll mill-pubbliku inġenerali.
Ir-rakkomandazzjonijiet finali, li se jkun qed jagħmel il-grupp tekniku se jkunu qed jeskludu li togħla l-età tal-irtirar u anki jeskludu li togħla r-rata tal-ħlas tas-sigurtà soċjali jew kif inhi magħrufa aħjar il-ħlas tal-bolla.