Ħarġu għall-Konsultazzjoni Pubblika żewġ abbozzi ta’ liġi biex jemendaw l-Att dwar Opportunitajiet Indaqs u l-Att dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Permezz tal-Att li jemmenda l-Att dwar l-Oppurtinitajiet Indaqs, se jkun qed jinħoloq qafas legali domestiku, għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, kif ukoll jingħata lok sabiex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jitolbu rimedju, meta ssirilhom diskriminazzjoni fir-rigward tad-drittijiet li teżiġi l-Konvenzjoni.
Alistair de Gaetano, wieħed mill-persuni li fassal dawn iż-żewġ atti, spjega li wara li Malta ffirmat il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità fl-elfejn u sebgħa, u rratifikatha fl-elfejn u tnax, issa għandha l-obbligu li tgħaddi l-liġijiet neċessarji sabiex din tiġi implimentata lokalment.
Qal, “Qed nagħtu l-għodda kemm lill-persuni b’diżabilità, kif ukoll lill-familji tagħhom, biex ikunu jistgħu jitolbu rimedju f’każ li jħossu li d-drittijiet tagħhom ġew miksura. Aħna qed nagħtu s-saħħa lis-CRPD bħala regolatur biex ikun regolatur very.”
Il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, Samantha Pace Gasan enfasizzat l-importanza tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni b’diżabilità, il-familji tagħhom u l-għaqdiet li jirrapreżentawhom f’dan l-istadju tal-konsultazzjoni pubblika, sabiex jiġi assigurat illi dawn il-liġijiet, jkunu rappreżentativi għax-xewqat u l-interessi tagħhom.
Waqt it-tnedija għall-Konsultazzjoni Pubblika ta’ dan l-Att, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli stqarret li l-għan ta’ din il-liġi huwa li tagħti lok sabiex persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jitolbu rimedju, meta ssirilhom diskriminazzjoni fir-rigward tad-drittijiet li teżiġi l-Konvenzjoni.
Spjegat, “Aħna se nkunu qed nagħtu aktar awtonomija u naraw li l-persuni b’diżabilità għandhom dak is-set-up fejn jekk iħossuhom inġurjati jista’ jkollhom speditezza sakemm il-każ tagħhom ikun indirizzat.”
Il-Konsultazzjoni Pubblika fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ atti se tagħlaq nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Ġunju.