Fil-ftuħ tas-sena forsensi, Il-Prim Imħallef Silvio Camilleri irrikonoxxa li kien hemm tnaqqis fl-ammont ta’ kawżi pendenti, għall-ewwel darba f’ħafna snin.
Fil-preżenza tal-President ta’ Malta u l-Ministru għall-Ġustizzja, fakkar li din is-sena, bħas-sena ta’ qabilha ġie reġistrat titjib fil-prestazzoni tal-qrati kemm ċivili kif ukoll kriminali, bil-qrati jirrisolvu numru ta’ kawżi akbar minn numru ta’ kawżi ġodda li jidħlu. Dan irriżulta fi tnaqqis tal-kawżi ċivili pendenti li n-numru tagħhom niżel taħt l-10,000 għall-ewwel darba f’sittax-il sena. Sostna madanakollu li s-sitwazzjoni fil-qrati tal-appell tippreżenta sfidi aktar diffiċli.
Diffiċli wkoll il-fatt li n-numru ta’ ġudikanti huwa inqas minn nofs il-medja tal-Unjoni Ewropea. Sostna li wasal iż-żmien li l-Qorti tiċċaqlaq, għax bħalissa l-ispazju huwa ‘limitat immens’.
Irrefera għas-sitwazzjoni fil-Qorti tal-Minorenni li żżomm is-seduti tagħha fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali f’Santa Venera. Hawn qal li problemi loġistiċi qiegħdin ta’ spiss jikkawżaw differimenti ta’ kawżi, b’inkonvenjenza kbira għall-partijiet, xhieda u anki għall-ġudikanti u staff tal-qrati.
Il-Prim Imħallef qal li matul din is-sena bdew jiġu pubblikati diversi liġijiet sabiex jimplimentaw numru ta’ riformi fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Minkejja li kienu passi li attiraw kritika, faħħar it-twaqqaf tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal- Ġudikatura u l-Kumitat għall-Imħallfin u Maġistrati bl-inkarigu li jeżerċita dixxiplina fuq il-membri tal-Ġudikatura.
Il-President tal-Kamra tal-Avukati George Hyzler qal li ċ-ċerimonja tradizzjonali tqiegħed il-lenti tas-soċjetà Maltija fuq il-professjoni legali.
Qal li din hija sena ta’ emendi kostituzzjonali importanti u semma b’mod partikolari l-ħatra tal-ġudikanti minn kumitat indipendenti, u l-isforz li qed isir għall-imġieba xierqa tal-ġudikanti. Semma l-ħidma li qed jagħmlu l-court attorneys – esperiment li qal li qiegħed jirnexxi għaliex kien hemm żieda fin-numru ta’ kawzi li nqatgħu. Qal li jixtieq li jara l-preżenza ta’ dawn il-court attorneys fil-Qorti tal-Maġistrati.
Il-President tal-Kamra tal-Avukati qal li sfida ewlenija hija l-aspettattiva tas-soċjetà ċvili li tieħu dak li ħaqqha f’ħin diċenti. Irrikonoxxa li l-istatistika qiegħda turi titjib, iżda jeħtieġ li dan it-titjib ikun rifless fl-istadju tal-appell.