Infetħet is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Iskema tal-Apprendistat, b’investiment ta’ €234,000 lejn iktar professjonalizzazzjoni u tkabbir tas-setturi kulturali u kreattivi.
L-ewwel sejħa, li hi mmirata lejn persuni jew entitajiet involuti fil-kamp kreattiv li jixtiequ jingaġġaw apprendisti, tiftaħ fit-3 ta’ Ġunju, bl-applikazzjonijiet jiġu aċċettati sas-16 t’Awwissu. It-tieni sejħa se tkun għall-apprendisti li jistgħu jibbenefikaw milll-iskema, b’din is-sejħa tkun imħabbra aktar tard din is-sena.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici semma kif għal darb’oħra, se jitkomplu jitwettqu l-wegħdiet elettorali permezz t’investimenti li mhux biss jinkoraġġixxu professjonisti kreattivi sabiex ikompli jkabbru l-ħiliet tagħhom, iżda wkoll billi joffru appoġġ lil intrapriżi li joperaw fis-setturi kulturali u kreattivi.
Grazzi għall-inizjattivi bħal din, li huma immaniġġjati mill-Kunsill Malti għall-Arti, aħna qed nidderieġu sforzi t’investiment, promozzjoni, u faċilitazzjoni lejn l-iżvilupp ta’ għarfien, ħiliet, u kompetenzi li għandhom bżonn il-prattikanti kulturali u kreattivi biex jiffjorixxu fis-setturi tagħhom.
Il-Ministru Owen Bonnici
Din l-ewwel sejħa ta’ applikazzjonijiet għandha l-għan li ssostni persuni self-employed, entitajiet reġistrati mar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta, organizzazzjonijiet volontarji reġistrati mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji, u koperattivi reġistrati mal-Bord ta’ Koperattivi li jixtiequ jospitaw apprendisti fis-setturi kulturali u kreattivi bl-għan li jgħinu fl-iżvilupp professjonali tagħhom. Applikanti eliġibbli jinkludu dawk involuti fl-industriji kulturali u kreattivi, teknoloġija diġitali, u l-industriji tad-disinn u dawk li jinvolvu s-sengħa.
Id-Direttur tal-Fondi u Strateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary Anne Cauchi spjegat kif l-iskema tirrifletti l-isforzi għal aktar professjonalizzazzjoni tas-setturi kulturali u kreattiv billi tippromwovi kultura intraprenditorjali fost il-kreattivi, u billi ttejjeb il-ħiliet tekniċi u vokazzjonali tagħhom. Spjegat kif wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti hu dak li jappoġġjaw l-edukazzjoni, l-capacity building, l-iżvilupp professjonali, u l-iskambju tal-għarfien sabiex jissaħħu l-individwi biex jiffjorixxu fil-prattika kulturali u kreattiva tagħhom.
L-Iskema tal-Apprendistat tkompli timplimenta din il-viżjoni billi tipprovdi opportunitajiet sabiex tappoġġja l-iżvilupp professjonali ta’ professjonisti kreattivi.
Mary Anne Cauchi, Direttriċi, Arts Council
Dan il-fond intant se jkopri sa 100% tal-ispejjeż tal-proġetti, b’limitu massimu ta’ €18,000 għal kull apprendistat. L-apprendistati magħżula se jibdew l-apprendistat bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru, 2025.
Għal aktar informazzjoni dwar l-Iskema tal-Apprendistat, wieħed għandu jżur is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti fuq www.artscouncilmalta.gov.mt.