Malta qed tiffinalizza l-pjan tagħha għal sistema ta’ enerġija rinovabbli li sseħħ fuq il-baħar. Dan wara li tlestiet konsultazzjoni prelimari mas-suq u qed tlesti l-pjan għal din is-sistema ta’ enerġija rinovabbli.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, fil-ftuħ tal-laqgħa tal-MED9 dwar is-settur tal-enerġija, li preżenti għalih kien hemm disa’ Ministri tal-Enerġija min-Nofsinhar tal-Ewropa.
Din il-laqgħa saret fi sfond ta’ kriżi internazzjonali tal-enerġija, kawża tal-gwerra fil-Lvant tal-Ewropa, li waslet biex il-prezzijiet tal-enerġija madwar l-Ewropa splodew ‘il fuq.
F’diskors li għamlet il-Ministru Miriam Dalli qalet li r-reġjun tal-Mediterran għandu l-potenzjal li jmexxi ’l quddiem ekonomija li ma tniġġisx, b’investimenti fl-enerġija rinnovabli li tkompli toħloq impjiegi ta’ kwalità u tkabbir ekonomiku sostenibbli.
Il-Ministru Dalli tkellmet dwar l-opportunitajiet ta’ enerġija rinovabbli, li jissarrfu f’investiment fl-ekonomija l-blu u fl-ekonomija ekoloġika, u fil-ħolqien ta’ opportunitajiet u impjiegi ġodda għaż-żgħażagħ.
Dr Dalli qalet li l-laqgħa tal-lum tfisser pass importanti biex jinbnew il-pedament u l-Mediterran isir ċentru għall-enerġija ekoloġika.
Qalet li din il-laqgħa f’pajjiżna tista’ twassal għal front wieħed għall-viżjoni tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea.
Sostniet li pajjiżna lest ikompli jagħmel aktar investiment fl-enerġija rinovabbli. Tkellmet ukoll dwar il-koperazzjoni ma’ pajjiżi ġirien fuq l-enerġija, fosthom mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq, li jagħmlu parti mir-reġjun tal-Mediterran.
Preżenti għal din il-laqgħa f’Malta kien hawn ukoll il-Kummissarju Ewropew responsabbli mill-Enerġija, Kadri Simson, li sostniet li fl-aħħar sena sar ħafna f’dan il-qasam. Fakkret li, bħal-lum sena, il-Kummissjoni Ewropea ħabbret il-pjan tagħha biex tneħħi d-dipendenza tagħha fuq l-enerġija mir-Russja.Hija sostniet li din il-laqgħa hija importanti, għax qed turi l-koperazzjoni reġjonali li qed isseħħ fil-Mediterran.