L-Awtorità tal-Ippjanar fetħet il-konsultazzjoni pubblika dwar reviżjoni fil-Pjani Lokali tal-2006 biex tinbidel il-politika dwar iż-żona tal-bajja pittoreska ta’ Ħondoq ir-Rummien, fil-limiti tal-Qala, Għawdex, kif imwiegħed mill-Prim Ministru Robert Abela x-xahar li għadda.
Fuq il-websajt uffiċjali tagħha, l-Awtorità qalet li l-Gvern talabha tibda l-proċess fil-pjani li bl-aktar mod kontroversjali kien irreveda l-Gvern Nazzjonalista 17-il sena ilu.
Fl-10 t’Awwissu li għadda, waqt żjara fuq il-post, il-Prim Ministru kien tenna li fil-ġimgħat ta’ wara kien se jibda l-proċess biex isiru l-bidliet fil-liġijiet tal-ippjanar biex il-Gvern jissiġilla ċ-ċertezza u s-serħan il-moħħ li Ħondoq ir-Rummien ma jkunx żviluppat fil-pass li jmiss għall-ħarsien tal-post.
Il-konsultazzjoni pubblika, li se tibqa’ miftuħa sal-aħħar ta’ Ottubru li ġej, tittratta l-proponiment biex kull forma ta’ żvilupp fiż-żona ta’ Ħondoq tiġi pprojbita u fil-futur is-sit ikun jista’ jintuża biss għal proġetti ta’ afforestazzjoni.
Mill-proċess demokratiku se jkun mistenni joħorġu l-parametri eżatt tal-art fejn se tkun tapplika l-policy l-ġdida, fejn u kif għandu jsir kull tip ta’ afforestazzjoni, u biex jiġu eliminati jew emendati l-proviżjonijiet kollha oħrajn fil-Pjan Lokali tal-2006 li jitqiesu konflinġenti mal-miri l-ġodda.
Ix-xahar li għadda, wara li l-Qorti ċaħdet l-aħħar proġett propost mill-privat fuq is-sit, il-Prim Ministru kien spjega li l-Gvern se jkun qed ireġġa’ lura dak li missu ma sar qatt, jiġifieri li fl-2006 iddaħħlet bidla fil-Pjan Lokali li ffaċilitat li jista’ jsir żvilupp konsiderevoli f’Ħondoq.
Hu nnota li prinċipju ewlieni f’ħidmet dan il-Gvern kien dejjem konsistenti kontra żvilupp fil-post, anke kif kien imwiegħed fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’ u kif għal aktar minn 20 sena ilu jaħdem is-Sindku Laburista attwali tal-lokal, Pawlu Buttigieg.
Il-Prim Ministru kien qal ukoll li d-direzzjoni, li issa qed jagħti l-Gvern, hi bidla oħra importanti li tippriserva l-gżira Għawdxija, fl-interess tal-familji Għawdxin u Maltin, partikolarment il-komunità tal-Qala.
Għalkemm, mill-2013 ’il quddiem, id-deċiżjonijiet kollha tal-Awtorità tal-Ippjanar u tal-Qrati dejjem ċaħħdu kull proposta ta’ żvilupp f’Ħondoq, għad mhemm xejn xi jżomm milli tidħol applikazzjoni oħra.
Sadanittant is-sottomissjonijiet f’din il-konsultazzjoni pubblika, li trid tiggarantixxi li f’Ħondoq ma jsir l-ebda żvilupp jekk mhux dak ta’ afforestazzjoni, għandhom jintbagħatu b’imejl fuq consultation-gclp@pa.org.mt