Il-Ġimgħa filgħodu ngħata bidu għall-ewwel Fiera Agrikola f’Malta, li tiġbor fiha taħt saqaf wieħed lil diversi produtturi lokali ta’ ikel bnin u frisk.
Iżda, mhux biss.
Fil-fatt, matul dan it-tmiem il-ġimgħa, dawk li se jattendu se jesperjenzaw aktar mill-viċin xogħol il-bidwi u r-raħħal, u se jiksbu wkoll tagħrif dwar is-sajd u l-akwakultura.
Tkellimna ma’ wieħed mir-raħħala li qed jieħdu sehem, li qal li permezz ta’ din il-fiera l-konsumtur Malti se jsir jaf aktar dwar il-prodott lokali.
Noel Fenech stqarr, “Ħa tkun ta’ għajnuna kbira għalina. Nisperaw li, fil-futur, dawn l-affarijiet jibqgħu għaddejjin, imma bla dubju l-konsumatur Malti, x’ħin jiġi jara u jmiss b’I jejh minn xiex jgħaddi min-naħa tagħna r-raħħala, hija ħafna ta’ għajnuna għalina.”*
Waqt l-istess fiera, John Gauci, bidwi li ilu ħamsin sena jaħdem ir-raba’, qalb ir-riħa tfuħ ġejja mil-frott u l-ħaxix frisk, tkellem dwar kif din il-fiera se żżid id-domanda għall-prodotti agrikoli lokali.
John Gauci qal, “Fiera bħal di,n meta konna narawha, konna mmorru barra biex narawha. Illum, grazzi għall-Gvern, għamlilna din il-fiera, li hija vera interessanti. Jien ngħid li, fuq din il-fiera, il-prodott Malti, ma ngħidx li ħa jisplodi, imma żgur ħa jimxi ’l quddiem, u naf x’jien ngħid.”*
Il-President ta’ Malta Geroge Vella, flimkien mas-Sinjura Miriam Vella, il-Ministru responsabbli mill-biedja, Anton Refalo, u s-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura, u l-Ħarsien tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, daru d-diversi stands u ltaqgħu mal-bdiewa, is-sajjieda, u oħrajn li jaħdmu fl-akwakultura. Huma tkellmu wkoll ma’ numru ta’ nies li rħewlha lejn il-fiera.
Spikkat b’mod partikolari l-interazzjoni li kellhom mal-istudenti, li l-ġurnata skolastika tagħhom kienet ikkaratterizzata b’din il-fiera informattiva.