Tqum, tlesti għax-xogħol, forsi tieħu tazza te jew kafe, tiftaħ il-bieb ta’ barra, u ssib dundjan!
Hekk ġralu s-sindku ta’ Ħad-Dingli Sandro Azzopardi, li spjegalna li ma kienx ċert kienx għadu qed joħlom jew le dalgħodu. Filwaqt li kellu jaħsiblu għax-xogħol, aċċerta ruħu li l-ġirien kienu qed jieħdu ħsieb li d-dundjan ma jispiċċax fil-periklu f’nofs ta’ triq.
Kif taqbad tirreaġixxi? “Dalgħodu d-dundjan fakkarni fi tfuliti meta kont ngħix u norqod man-nannu minn meta kelli sitt snin, wara li mietet in-nanna. Filgħodu kont inqum qalb it-tiġieġ jiġru, fniek u klieb li kien irabbi!”
Lura għad-dinja moderna – dinja ta’ Google Maps u smart phones. Azzopardi spjegalna l-vjaġġ li jaħseb għamel id-dundjan biex preżenta ruħu quddiem daru, xahrejn sew qabel il-Milied.