Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes inawguraw il-ftuħ ta’ Dar il-Qawsalla. Dar li se tkun qed tilqa’ fiha membri tal-komunità LGBTIQ li qed jaffaċċjaw sfidi soċjo-ekonomiċi u li jinsabu mingħajr saqaf fuq rashom. B’hekk Dar Qawsalla ser tkun qed toffri spazju sigur għal dawn il-persuni filwaqt li tgħin tnaqqas il-pressjoni fuq l-Awtorità tad-Djar.
Din ir-residenza, li ser tkun qed titmexxa minn The Malta LGBTIQ Rights Movement (MGRM), ser tkun qed tilqa’ membri tal-komunità LGBTIQ li jisfaw mingħajr akkomodazzjoni għall-massimu ta’ sentejn. Bl-għajnuna tal-ħaddiema ta’ Dar il-Qawsalla, wara dawn is-sentejn, ir-residenti ser imorru f’akkomodazzjoni indipendenti alternattiva jew riferuti għal servizz ieħor.
Hekk kif indirizza lil dawk kollha preżenti għall-ftuħ uffiċjali ta’ din id-dar, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif dan il-proġett mill-ġdid ikompli jikkonferma l-impenn tal-gvern li jindirizza realtajiet soċjali f’pajjiżna. “Ma waqafnix mar-riformi kbar li għamilna fil-qasam tad-drittijiet ċivili. Stajna għamilna hekk u ngħidu li għamilna biżżejjed. Le. Dan huwa gvern li l-polz tiegħu qiegħed mal-poplu tiegħu u huwa kawża ta’ hekk li ndunajna b’realtajiet ġodda bħal dawk li jkunu għaddejjin minnhom ir-residenti ta’ din id-dar u sibna soluzzjoni għalihom ukoll,” sostna l-prim ministru hekk kif mill-ġdid tenna l-importanza tal-valuri favur l-inklużjoni f’soċjetà li tħobb u li taprezza lil kulħadd.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes tkellem dwar il-ħidma u l-viżjoni ħolistika li dan il-gvern qiegħed iwettaq fil-prattika fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, li qiegħda twassal sabiex ikomplu jiġu mwessgħin il-proġetti soċjali, inkluż permezz ta’ proġetti li fihom l-Awtorità tad-Djar qiegħda tikkolabora tant tajjeb ma’ għaqdiet mhux governattivi. “F’dan il-proġett ta’ Dar il-Qawsalla, permezz tal-għajnuna li ngħatat mill-Housing Development Fund fi ħdan l-Awtorità tad-Djar, b’kollaborazzjoni ma’ MGRM, illum qegħdin ninawguraw proġett li se jkun qiegħed jagħmel differenza kemm fis-settur tal-LGTBIQ, kif ukoll fil-ħajja tal-benefiċċjarji u l-familjari tagħhom,” stqarr l-Ministru Roderick Galdes.
Ir-residenti li ser jkunu qegħdin jgħixu ġewwa Dar il-Qawsalla, ser ikunu qed jirċievu servizz ta’ Social Work u/jew Therapeutic Support qabel, waqt u anke wara li jkunu temmew iż-żmien tagħhom f’din id-dar. Dan is-servizz se jkun qed jingħata b’xejn mir-Rainbow Support Services. L-għan ta’ din il-fondazzjoni huwa li tgħin lil dawn l-inidividwi jibnu mill-ġdid iċ-ċrieki soċjali tagħhom filwaqt li jfittxu opportunitajiet ta’ xogħol jew edukazzjoni ġodda, jerġgħu jingħaqdu mal-familji jew ħbieb, u fl-aħħar mil-aħħar jergħu jgħixu ħajja indipendenti.