Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri inawgura uffiċjalment il-15-il edizzjoni ta’ Betlehem f’Għajnsielem, wieħed mill-aktar avvenimenti mfittxija fil-kalendarju kulturali Għawdxi tal-Milied. Dan il-presepju ħaj ireġġa’ lura lil dawk li jżuruh lejn iż-żminijiet tan-Natività, filwaqt li joffri esperjenza awtentika u ta’ ispirazzjoni fil-perjodu tal-Milied.
Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Clint Camilleri esprima s-sodisfazzjon tiegħu li din l-attività minn sena għal oħra baqgħet tkun suċċess u żiedet fil-popolarità tagħha. Huwa qal, “Betlehem f’Għajnsielem hu mudell ta’ kif l-identità kulturali u reliġjuża tagħna tista’ tinbidel f’opportunità biex Għawdex ikompli jissemma’ b’mod pożittiv fuq livell nazzjonali u internazzjonali u jattira lejh bosta nies. Dan l-avveniment mhux biss itenni l-importanza tal-Milied bħala żmien ta’ għaqda u tama, imma wkoll juri l-ispirtu tal-komunità Għawdxija. Nirringrazzja lill-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem u lil mijiet ta’ voluntiera involuti fl-organizzazzjoni biex din ir-rikostruzzjoni ħajja ssir realtà.”
Il-presepju animat mifrux fuq medda ta’ 20,000 metru kwadru u b’aktar minn 100 attur se joffri mhux biss esperjenza unika tal-istorja tan-Natività iżda wkoll taħlita ta’ tradizzjonijiet u snajja’ lokali flimkien ma’ dak kollu li ġeneralment huwa assoċjat mal-presepju tradizzjonali Malti.
Dan il-presepju ħaj fetaħ il-Ħadd 15 ta’ Diċembru. Għal aktar informazzjoni dwar il-ġranet u l-ħinijiet meta Betlehem f’Għajnsielem se jkun animat, wieħed jista’ jżur is-sit https://eventsingozo.com/event/betlehem-fghajnsielem-2024/2024-12-15/
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri temm jgħid li Betlehem f’Għajnsielem hija attrazzjoni magħrufa, mhux biss għal Għawdex imma wkoll għall-eluf ta’ viżitaturi Maltin u barranin li jiġu jgawdu din l-esperjenza filwaqt li ħeġġeġ lil kulħadd biex għal sena oħra jerġa’ jesperjenza dan il-presepju ħaj uniku.