Tifla ta’ tliet snin minn Gaza se tkun qed tasal f’pajjiżna għada biex tirċievi l-kura meħtieġa wara li ndarbet f’attakk Iżraeljan.
Selah Hajras sofriet ġrieħi gravi f’riġlejha meta d-dar tagħha f’Khan Younis, belt fin-Nofsinhar ta’ Gaza, intlaqtet minn attakk f’nofs Novembru li għadda.
Sfortunatament dan l-attakk ħalla lil ommha u lil ħuha mejtin. Minkejja li missierha Ashraf ma ġarrab l-ebda ġrieħi, tilef lil Selah qalb it-tifrik u saħansita ħaseb li tilfet ħajjitha.
Però, bis-saħħa ta’ filmat li beda jdur fuq il-midja soċjali li tefgħu diversi tobba mill-isptar f’Nasser, missierha induna li bintu kienet għadha ħajja u mar jiltaqa’ magħha.
Il-filmat juri lil Selah titbissem u titkellem mat-tobba u ddur madwar l-isptar b’sieqa miksura. It-tobba fil-filmat jgħidu li Selah kienet waħda mill-iktar personalitajiet li xxerred ferħ fl-isptar fi sfond ta’ realtà ferm diffiċli.
Il-vjaġġ lejn Malta sar possibbli permezz ta’ diversi donaturi flimkien mal-isforzi kollaborattivi tal-Ambaxxata Palestinjana f’Malta u l-Gvern Malti.