Tifla ta’ sitt snin iddaħlet l-isptar wara inċident li seħħ ġewwa residenza privata fi Triq Malta, Għajnsielem.
Minn investigazzjonijiet preliminari li għamlet il-Pulizija, irriżulta li fil-fatt, l-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ waranofsinhar, meta għal xi raġuni t-tifla sabet ruħha f’diffikultà waqt li kienet qiegħda fil-pool tal-istess residenza.
It-tifla ngħatat l-ewwel għajnuna minn xi qraba sakemm waslet ambulanza fuq il-post u ħaditha l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura. Iktar tard, it-tifla li hija Irlandiża, ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Joanne Vella Cuschieri li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.