Tifla ta’ sitt snin tinsab fil-periklu tal-mewt wara li struttura tal-ħadid fi grawnd tal-basketball inqalbet fuqha f’Ħal Lija.
Il-Pulizija ġiet infurmata li aktar kmieni lbieraħ waranofsinhar, tifla ddaħlet l-isptar wara li sofriet xi ġrieħi waqt li kienet qed tilgħab biswit ir-residenza tagħha fi Triq Robert Mifsud Bonnici.
Minnufih il-Pulizija bdiet bl-investigazzjonijiet u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li żewġt ibniet kienu qed jilgħabu ma’ struttura tal-ħadid fi grawnd tal-basketball, li għal xi raġuni inqalbet fuq waħda mit-tfal.
Qraba tat-tifla li weġġgħet kienu fil-qrib u ħaduha mill-ewwel l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard hija kienet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji.
It-tifla l-oħra li għandha seba’ snin ma weġġgħetx. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.