Omm ta’ tifla ta’ ħames snin qasmet l-esperjenza tagħha, esperjenza qarsa li waslet għall-mewt ta’ bintha. Bintha mietet wara li kellha attakk tal-ażma, iżda d-destin ta’ din iċ-ċkejkna seta’ jinbidel li kieku t-tabiba li l-0mm għamlet appuntament ta’ emerġenza magħha eżamina. Hija ma għamlitx l-eżami mediku fuq it-tifla għax l-omm waslet ftit minuti tard għall-appuntament.
It-tabiba Dr Joanna Rowe kienet qalet lill-omm biex terġa’ tiġi l-għada filgħodu bit-tifla. Iżda ċ-ċkejkna spiċċat bla ħajja ħames sigħat wara li t-tabiba lissnet dawn il-kliem. Il-familja ta’ din it-tifla qed titlob li tinfetaħ inkjesta kriminali kontra t-tabiba u li l-Qorti m’għandiex tħalli lil Dr Rowe tippratika aktar bħala tabiba.
It-tabiba nħarġilha avviż mill-Kunsill Mediku u qed tippratika f’sezzjoni oħra. In-nanna tat-tifla spjegat li l-omm kienet biss ftit minuti tard u filfatt kienet ċemplet lill-klinkika biex tinfurmahom li se tasal ftit tard, iżda minkejja dan it-tabiba ma weġbitx għall-karba ta’ għajnuna u qaltilhom biex jitilqu.
“Id-deċiżjoni tagħha waslet għall-mewt taċ-ċkejkna tagħna,” spjegaw il-familjari. Ellie-May, kienet tbagħti mill-ażma minn età żgħira u filfatt kienet inżammet għall-kura l-isptar ħames darbiet. L-omm ħadet lil bintha għand it-tabiba wara li l-iskola ċemplitilha biex tinfurma li l-għalliema kienet qed tinkwieta hekk kif it-tifla kellha attakk tal-ażma. Wara din l-informazzjoni, l-omm għamlet appuntament b’emerġenza fil-Klinika Grange f’Newport. Mill-ħin li saret it-telefonata għall-appuntament, il-mara ngħatat 25 minuta biex tkun tista’ tieħu lit-tarbija tagħha ta’ xahrejn iċ-child care u ssib lil xi ħadd biex jeħodha l-klinika.
L-omm kellha l-appuntament fil-17.00pm u waslet fil-klinika biss ħames minuti tard u t-tabiba ħassritilha l-appuntament. Ħames sigħat wara, it-tifla kellha attakk tal-ażma u ma bdietx tieħu nifs u fi stat ta’ paniku l-0mm ċemplet l-Emerġenza.
Iżda kien tard wisq biex it-tobba jerġgħu jagħtu n-nifs lil din iċ-ċkejkna.
Il-familjari tagħha jemmnu li t-tabiba għandha tintbgħat il-ħabs għal dak li għamlet. “Filwaqt li qed tkompli b’ħajjitha, il-mewt tat-tifla tagħna huwa fuq il-kuxjenza tagħha.”