Raġel ta’ 33 sena mill-Marsa ġarrab ġrieħi gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku.
L-inċident seħħ fil-11:15 tal-Ġimgħa filgħaxija fi Triq il-Karmnu, il-Marsa.
Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ irriżulta li seħħet ħabta bejn Toyota Auris misjuqa minn raġel ta’ 30 sena minn Ħal Qormi, u Honda Fit misjuqa minn mara ta’ 32 sena mill-Marsa.
Ir-raġel ta’ 33 sena flimkien ma’ tifla ta’ disa’ snin kienu passiġġieri fil-Honda.
Ix-xufiera ngħataw l-ewwel għajnuna minn tim mediku filwaqt li l-passiġġieri ttieħdu l-isptar Mater Dei.
It-tifla ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi ta’ natura ħafifa filwaqt li r-raġel ġarrab ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.