- Mgħejjuna 52 minuri li saru ommijiet
Is-sena li għaddiet kien hemm 52 tfajla taħt l-età li ngħataw għajnuna miċ-Ċentru Għożża li jieħu ħsieb jgħin tfajliet adoloxxenti li jkunu naqbdu tqal. L-iżgħar tifla s-sena li għaddiet kellha 13-il sena, filwaqt li kien hemm oħra ta’ 14 u tnejn ta’ 15 –il sena. Kien hemm tliettax –il tfajla taħt is-sittax –il sena u 24 oħra taħt is-sbatax–il sena.
Is-Servizz Għożża huwa servizz fi ħdan id-Direttorat Għal Servizzi Edukattivi li joffri għajnuna u sapport lit-tfajliet minorenni, lill-partners u ’l-ġenituri tagħhom.
Dan jintlaħaq permezz ta’ diversi programmi li jinkludu:
- Programm speċifiku għat-tfajla tqila li jiltaqa’ tliet darbiet fil-ġimgħa.
- Grupp ta’ sapport għat-tfajla omm u t-tarbija li jiltaqa’ darba fil-ġimgħa.
- Programm ta’ appoġġ għall-ġenituri tal-ommijiet u missirijiet żgħażagħ.
- Programmi ta’ prevenzjoni għall-ġenituri fl-Iskejjel Sekondarji kemm tal-Istat kif ukoll tal-Knisja u dawk Independenti.
- Programmi ta’ prevenzjoni għall-istudenti tal-Form 4.
- Laqgħat ta’ Informazzjoni minn speċjalisti fil-qasam mediku, legali, edukattiv u soċjali.
- Counselling għat-tfajla tqila/tfajla omm, il-partner u l-ġenituri tagħhom.
- Żvilupp ta’ pjan ta’ azzjoni li jirrifletti l-bżonnijiet tat-tfajla omm u tat-tarbija, flimkien ma’ professjonisti oħra. Dan jintlaħaq permezz ta’ networking ma’ entitajiet u aġenziji oħra fosthom, l-Aġenzija Appoġġ, Servizz Benniena, Parentcraft, LEAP u l-Fondazzjoni tal-President għat-Tisħiħ tas-Soċjetà.