Fis-sit storiku tal-Palazz tal-Inkwiżitur, grupp ta’ Maltin li jaħdmu l-bizzilla, ingħaqdu biex ifakkru l-Jum Internazzjonali ddedikat għall-bizzilla.
Iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-jum bdiet b’inizjattiva ta’ żewġ persuni li fl-2015, ġabru nies minn kull rokna tad-dinja li jaħdmu l-bizzilla, u llum il-ġurnata dan il-jum ilaqqa’ flimkien mal-elf persuna bl-istess passjoni.
Fil-Palazz tal-Inkwiżitur, iltqajna ma’ tifla ta’ ħdax-il sena li diġà bdiet taħdem il-bizzilla.
Aaliyah Cauchi spjegat,“Għandi ħdax-il sena ili nitgħallem minn Novembru u bħalissa qed nagħmel doiler bil-kuluri bħal dan u qed nagħmel brimba s’issa.”
Tkellimna wkoll mal-kuratriċi, Annamaria Gatt li spjegat it-tipi differenti tal-bizzilla, fosthom dawk magħrufa bħala tal-festuni u tal-balla li jirrikjedu teknika differenti.
Hija aċċennat għall-kollezzjoni ta’ kostumi u tessuti li qed tittella’ fil-palazz stess. Din il-kollezzjoni qed tilqa’ donazzjonijiet ta’ disinji u bizzilla bil-għan li jsir studju u esebizzjonijiet fuq dawn l-artifatti.
Gatt qalet, “Inħeġġeġ lil kull min jixtieq li jpoġġi bilqiegħda, jagħmel it-trajbu fuq ħoġru, jipprova ma jgħidli ma nafx jew m’għandix paċenzja jew ma rridx nipprova. U nħeġġeġ ħafna liż-żgħażagħ, m’għandekx etajiet biex taħdem il-bizzilla. M’għandek għalfejn tkun anzjan jew mara biss biss illum il-ġurnata kif qed taraw hawn irġiel, subien u ġuvintur li jaħdmuha.”
Il-kuratriċi ħeġġet aktar persuni biex jitgħallmu din is-sengħa tant rikka.