Tifla Maltija li għandha biss tnax-il sena hi waħda fost il-ħdax il-tifel u tifla li ntgħażlu minn madwar l-Ewropa biex tieħu sehem fis-simpożju Eurochild. Dan għandu l-għan li joħloq impenn dirett mal-Membri Parlamentari Ewropej (MPE) dwar deċiżjonijiet li jħallu effetti fuq ħajjet it-tfal.
Sharon Cilia, membru tal-Kunsill għat-Tfal fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Benessri tas-Soċjetà, se tkun qed tagħmel żjara f’Brussel għada sabiex tattendi s-simpożju li se jsir fuq tlett ijiem li jirrigwardja l-parteċipazzjoni tat-tfal bl-isem ta’ “With Children, For Children: From Ideas to Action.”
“Din l-opportunità tfisser ħafna għalija. Ma ridtx nemmen l-aħbar meta l-fondazzjoni qaltli li ġejt magħżula. Dan huwa ċans għalija biex nitgħallem u anke biex inwassal dak li naf. Allavolja jaf inwassal ftit, nispera li nkun għamilt differenza.” Sharon, flimkien ma’ 11-il tifel u tifla, se jkollom laqgħat bilaterali ma’ Membri tal-Parlament Ewropew sabiex jiddiskutu modi konkreti biex imexxu ‘il quddiem l-impenji li huma involuti fl-iffirmar tal-manifest tal-2014 ‘Child Rights Manifesto’ dan biex “jirrealizzaw id-drittijiet tat-tfal kollha u kullimkien.”
Bħala parti mill-proċess tal-għażla, Sharon kellha tippreżenta x’kien dak li mmotivaha biex tieħu sehem. Il-messaġġ tagħha kien dwar kif hi ma taċċettax inġustizja u kif tixtieq tagħmel il-parti tagħha biex tgħin f’dan ir-rigward.
“Bosta mill-eroj huma eroj għax għaddew minn inġustizzja huma stess. Kelma jaf tagħmel differenza ta’ ħajja u mewt. Azzjoni taf tagħmel differenza bejn ħajja u mewt.”
“Nitkellmu dwar eroj differenti fil-kotba u noħolmu li jkunu f’din id-dinja iżda jekk niftħu għajnejna u nħarsu lejn id-dinja ta’ madwarna, nindunaw li hem ħafna eroj li ma konniex nafu bihom u dawn jinsabu fi qlub ta’ wieħed u kull waħda minn dawn il-persuni li jridu jagħmlu differenza, dawk li għandhom il-kuraġġ li jinbidlu, jew dawk li għandhom il-kuraġġ li jammettu li għandhom bżonn jinbidlu.”
L-istudenta li tattendi l-Kulleġġ ta’ Maria Reġina tan-Naxxar sostniet li l-eroj tagħha huma missiera u ommha dan għax “dejjem jinkoraġġuni biex inkompli għaddejja u nimmira lejn il-qamar sabiex jekk ma nolqtux xorta nsib xi stilla.”
Bosta mill-inġustizzji li laqtu lil Sharon l-aktar kienu l-istejjer ta’ preġudizzju u kif ukoll tal-ibbuljar li semgħet mingħand tfal li ġejjin minn familja LGBTQ, kif ukoll tan-nuqqas ta’ libertà u għażla li tfal li jinsabu f’fostering qed jiffaċċjaw.
Is-simpożju, li se jkun organizzat qabel il-Jum Dinji tat-Tfal fl-20 ta’ Novembru, se jkun parti mid-determinazzjoni ta’ Eurochild biex jippersisti mal-Parlament Ewropew sabiex isir attrazzjoni għall-parteċipazzjoni tat-tfal f’istituzzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea ġejjieni.