Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali ċċara xi punti u elenka l-fatti fuq il-każ ta’ tifla li tinsab taħt ordni ta’ ħarsien u li allegatament tħarrbet minn Malta minn ommha.
Il-Ministeru qal li l-minuri kienet tgħix ma’ foster family u kellha aċċess mhux sorveljat ma’ ommha għal numru ta’ sigħat is-Sibt u l-Ħadd. Dan l-istess aċċess kien possibbli wara deċiżjoni tal-bord ta’ reviżjoni, fejn anke l-minuri stess kienet esprimiet ix-xewqa li tqatta’ iktar ħin ma’ ommha bħala parti mill-pjan ta’ ri-integrazzjoni.
Id-Direttorat għall-Kura Alternattiva kien infurmat mill-foster family li nhar it-Tnejn 12 ta’ Ottubru l-omm naqset milli tirritorna lill-minuri d-dar u għaldaqstant il-ħaddiema soċjali immedjatament għamlu viżta d-dar tal-omm fejn sabu l-bieb imsakkar b’katnazz u sussegwentament sar rapport lill-pulizija.
Tard waranofsinhar fl-istess ġurnata, il-pulizija infurmat lid-Direttorat li l-omm kienet lokalizzata f’pajjiż Ewropew u l-istess direttorat tkellem ukoll mal-uffiċċju tal-immigrazzjoni fl-ajruport ta’ Malta fejn irriżulta li t-tifla siefret b’mod illegali.
Sadanittant il-pulizija tkellmet ukoll mal-Europol biex tassisti fuq il-każ.
Il-Ministeru temm jgħid li d-Direttorat tat-Tfal qed iżomm komunikazzjoni kontinwa mal-pulizija u ma’ awtoritajiet oħra filwaqt li qed jagħti kull assistenza possibbli li hemm bżonn lill-foster family.