Tifla Ingliża ta’ 11-il sena nqatlet wara li ntlaqtet b’tiri, waqt li kienet qed tilgħab fil-ġnien tal-familja fi Franza. Dan wara tilwima rappurtata bejn il-ġirien.
Il-familja kienet qed tgawdi barbeque is-Sibt filgħaxija meta seħħet l-isparatura fir-raħal ta’ Saint-Herbot, fit-Tramuntana ta’ Quimper fil-Brittanja.
Il-ġenituri tat-tifla weġġgħu wkoll, bil-missier isofri ġrieħi gravi.
It-tifla u oħtha ta’ tmien snin kienu qed jilagħbu fuq bandli waqt li l-ġenituri tagħhom kienu jieħdu ħsieb il-barbecue, meta ġar beda jispara lejhom b’shotgun minn fost xi arbuxelli.
It-tifla ta’ tmien snin ġriet lejn dar ta’ ġar ieħor biex tqajjem l-allarm u issa tinsab fi stat ta’ xokk.
Is-suspettat, deskritt bħala ċittadin Olandiż ta’ 71 sena, allegatament issakkar f’daru wara l-inċident iżda eventwalment ċeda lill-pulizija u ġie arrestat flimkien ma’ martu.
Ritratt: Alamy