Miriam Labate, tifla Taljana, li tgħallmet il-lingwa Maltija fi tlett xhur fl-iskola primarja ta’ Birżebbuġa.
Labate, ilha għal dawn l-aħħar snin tgħix f’Malta flimkien mal-ġenituri tagħha. Hija kienet tattendi fi skola primarja oħra f’pajjiżna iżda kellha titlaq minħabba li kienet vittma ta’ bullying.
“Kont immur bit-transport u kont victim ta’ bullying. Issaportejt imma imbagħad tlaqna mill-iskola u ġejna hawnhekk Birżebbuġa.”
Bl-għajnuna tal-għalliema u bid-determinazzjoni tagħha, anki jekk kien għad kellha biss seba’ snin hija irnexxielha titgħallem il-Malti fi żmien tlett xhur.
“Bdejt nara l-aħbarijiet. Naqra l-kotba. Mal-għalliema u anki mal-ħbieb tiegħi ngħid bħalhom.”
Il-Ġimgħa filgħodu, il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici żar l-iskola primarja ta’ Birżebbuġa.
Skola li tieħu diversi inizjattivi sabiex it-tfal ikomplu javvanzaw u jtejbu l-ħiliet edukattivi.
Is-surmast tal-iskola primarja Jean Pierre Micallef qal li b’inizjattivi li ittieħdu l-iskola irnexxilha taqta’ l-assenteiżmu u issa l-attendenza tat-tfal telgħet għal sebgħa u disgħin fil-mija.
Huwa semma inizzjattivi li jkomplu jagħtu ambjent sabiħ fejn it-tfal jitgħallmu.
“Klassi li fiha ħa ssib sufani, tapiti siġġijiet differenti. Fil-klassi hemm tlettax-il student biss. It-tmexxija tal-iskola rat titjieb.”
Hemm ukoll in-nurture class, klassijiet apposta sabiex jagħtu għajnuna lil dawk l-istudenti li jkollhom problemi soċjali.
“Għajnuna għal bżonnijiet soċjali. Anger manager. Jagħmlu circle time. Fil-break ikollhom l-craft.”
Il-Ministru Owen Bonnici faħħar it-tmexxija ta’ din l-iskola u qal li se jkun qiegħed iżur l-iskejjel sabiex filwaqt li jsegwi mill-qrib il-ħidma importanti li jwettqu l-edukaturi, jisma’ wkoll x’għandhom xi jgħidu t-tfal.