Illum, it-28 ta’ Jannar, hu mfakkar internazzjonalment bħala l-Jum tal-Protezzjoni tad-Dejta.
Din id-data timmarka l-anniversarju tal-Konvenzjoni 108 tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali, l-ewwel liġi internazzjonali legalment obbligatorja fil-qasam tal-protezzjoni tad-dejta, u tiġi ċċelebrata kull sena mill-47 pajjiż tal-Kunsill tal-Ewropa u mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Hu stmat li, bħala medja, hacker jattakka sistema kull 39 sekonda fid-dinja, b’ħafna mill-attentati li jsiru, sfortunatament, jkunu ta’ suċċess.
Għalhekk, hu dejjem rakkomandat li l-passwords jinbidlu b’mod regolari u ma jkunux l-istess għal kull paġna li titlob il-password. Minbarra hekk, meta wieħed iżur kwalunkwe sit onlajn, għandu jkun żgur li dan jibda bl-ittri ‘https:’, li jfisser li s-sit hu sigur u mhemm l-ebda riskji ta’ serq jew sekwestru ta’ dejta personali.
Fost oħrajn, ftakar ukoll li l-ebda bank, entità governattiva jew kumpanija mhi se titolbok tgħaddi informazzjoni personali permezz tal-midja soċjali jew b’telefonata.
Għal aktar informazzjoni dwar kif tista’ żżomm is-sigurtà tiegħek onlajn, tista’ żżur is-sit ncc-mita.gov.mt.