Operation Pedestal. Jew kif magħrufa minn bosta, il-wasla tal-konvoj ta’ Santa Marija. Dik il-wasla providenzjali li tat il-ħajja lil Malta li kienet f’xifer li ċċedi f’idejn l-qawwa tal-Assi fl-aħħar gwerra dinija.
Il-Ħamis filgħaxija saret is-solitu ċerimonja li fakkret l-erbgħa u sebgħin anniversarju mill-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija.
F’din iċ-ċerimonja pjanata b’mod metikoluż spikka l-istakkament ta’ suldati lebsin l-uniformi militari ta’ żmien l-Ingliżi, b’wieħed minnhom anki daqq is-sirena, dik li kienet tfakkar lil missirijietna biex imorru jsibu l-kenn mill-qilla tal-bombi.
Is-suldati waqt din iċ-ċerimonja sparaw tiri ta’ salut filwaqt li minn fuq l-patrol boat P21 intefgħet wkoll kuruna ta’ fjuri bħala turija ta’ rispett lejn il-vittmi fit-tieni gwerra dinija.
Ma setax jonqos li l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż ukoll juru omaġġ lejn dawk li b’impenn wettqu s-servizz militari u mietu waqt il-gwerra.
Intant din iċ-ċerimonja ma servietx biss bħala kommemorazzjoni għall-wasla tal-konvoj iżda anki infetħet dar għall-baħħara li jkollhom bżonn xi jiem ta’ mistrieħ wara iljieli twal ta’ ħidma bejn sema’ u ilma.
Id-dar li tinsab biswit il-Knisja ta’ Liesse ġiet irranġata propju biex taqdi l-ħtiġijiet tal-baħħara.