It-twaqqif tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima ntlaqa’ mill-esperti fis-settur bħala żvilupp importanti fit-tranżizzjoni ta’ pajjiżna lejn ekonomija dikarbonizzata, li tmexxi l-pajjiż lejn it-trasformazzjoni soċjali, ekonomika u ambjentali tiegħu.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir hekk kif ġie spjegat li bħalissa l-Parlament qed jiddiskuti l-abbozz ta’ liġi li jwaqqaf din l-awtorità.
Din se tkun responsabbli għall-kordinazzjoni u r-regolazzjoni tal-azzjoni dwar il-klima, filwaqt li tiżgura sforzi effettivi, ekonomikament effiċjenti u konsistenti lejn l-addattament u l-mitigazzjoni tal-klima.
Dan kollu ġie diskuss waqt laqgħa, li saret mill-Ministru Miriam Dalli, flimkien mal-Professur Simone Borg, li hi l-Ambaxxatur għall-Azzjoni dwar il-Klima, il-bijologu marittimu l-Professur Alan Deidun, l-akkademiċi Dr Jonathan Spiteri u Dr Stefano Moncada, u ċ-Chairperson tal-MCESD David Xuereb.
Qal, “Ħadt gost niltaqa’ ma’ dawn l-esperti. Rajt kemm huma eċċitati wkoll li jkollna din l-awtorità, li verament tindirizza t-tibdil fil-klima, u l-idea tagħna li nkomplu b’dawn id-diskussjonijiet ħalli noħorġu b’azzjonijiet li jagħmlu differenza pożittiva.”
Sadanittant il-Ministru sostniet li t-twaqqif tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima m’għandhiex tidher bħala mod ta’ kif nilħqu l-aspettattivi esterni, bħal dawk tal-UE, iżda opportunità biex intejbu r-reżiljenza sojċo-ekonomika ta’ pajjiżna u l-kompetittività globali.
Ġie spjegat kif, matul id-diskussjoni, il-grupp qabel li t-tibdil fil-klima għandu jiġi indirizzat mhux biss billi nimmitigaw ir-riskji, iżda li jiġu esplorati opportunitajiet li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetà u l-ekonomija tagħna.
Ġie enfasizzat ukoll li għandu jkun hemm approċċ komprensiv li jinvolvi lill-Gvern kollu u li jkun hemm djalogu soċjali biex jappoġġja din it-trasformazzjoni. L-esperti preżenti qalu li dan jista’ jintlaħaq billi jkunu involuti l-partijiet interessati kollha, inkluż l-edukazzjoni tat-tfal u t-taħriġ tal-għalliema.
Il-grupp enfasizza wkoll li kemm l-istrateġiji ta’ mitigazzjoni kif ukoll ta’ adattament huma importanti, li jwassal għal opportunitajiet ta’ żvilupp sostenibbli.