Mara li kienet nstabet ħatja li ħadet ritratti mhux diċenti ta’ żewġha flimkien mat-tfal tagħhom mhijiex se tintbagħat tliet snin ħabs wara li nħelset fi stadju t’appell. Dan wara li fl-elfejn u dsatax kienet instabet ħatja li ħadet dawn ir-ritratti tat-tfal tal-koppja, li kellhom tliet snin u sena u nofs.
F’aktar minn sebgħin ritratt jidhru żewġha bla ħwejjeġ flimkien ma’ uliedhom li ġieli deheru jmissu lil missierhom b’mod indiċenti. Dan sar magħruf wara li l-mara bdiet taħdem bħala ħaddiema mat-tfal, fejn fetħet qalbha mal-kollegi tagħha dwar x’kien jagħmel żewġha.
Hija kellha l-intenzjoni li tapplika għal separazzjoni u spjegat kif żewġha kien sar vjolenti u nervuż, speċjalment wara t-twelid tal-ewwel wild tagħhom. Wara t-tieni wilt ir-relazzjoni bejn il-koppja kompliet tiggrava u kien f’dak iż-żmien li bdiet tieħu r-ritratti ta’ żewġha m’uliedhom. Dan bil-għan li l-proċess ta’ separazzjoni jsir b’mod iktar mgħaġġel.
Dwar dan il-każ inġibdet l-attenzjoni mill-Aġenzija Appoġġ u l-pulizija ressqet akkużi kriminali fil-konfront tal-mara u r-raġel separatament. Il-mara appellat fuq il-bażi li r-ritratti ma kinux indiċenti f’għajnejn il-liġi u hi ma kellha ebda intenzjoni kriminali wara r-ritratti.
Fil-Qorti tal-Appelli nstema’ kif wara diversi kawżi simili, r-ritratti jistgħu jitqiesu bħala pornografiċi. Madankollu jidher li l-imputata ma kellha ebda skop li tbigħ dawn ir-ritratti, iżda kienet tkellmet dwar l-intenzjoni li tużahom bħala evidenza kontra żewġha.
Minħabba li l-prosekuzzjoni ma setgħetx tipprova li l-mara kellha intenzjonijiet kriminali marbutin mar-ritratti, il-mara rebħet l-appell.