Is-Sibt filgħodu, tifel ta’ tmien snin qam b’ruħu u b’ġismu, lest biex jiġri ħames kilometri biex jiġbor il-flus għal Dar Bjorn, b’risq pazjenti bl-ALS.
L-idea nibtet f’moħħ iċ-ċkejken, Kruiven Farrugia, meta rrealizza li Bjorn Formosa ma jistax iċaqlaq imqar muskolu f’ġismu iżda qed iqatta’ ħajtu jgħin lil ħaddieħor.
Kruiven ried jagħmel l-istess, u ġera mill-Imdina lejn il-Palazz ta’ Sant Anton biex jiġbor ewro għal kull metru.
Fil-fatt, il-mira kienet li jinġabru ħamest elef ewro.
It-tifel ħa tnejn u għoxrin minuta biex ġera din ir-rotta.
Qabel telaq għall-ġirja, il-fundatur ta’ ALS Malta, Bjorn Formosa nnota l-altruwiżmu li diġà jispikka fiċ-ċkejken Kruiven.
“Tifel ċkejken però b’qalb kbira li għamel din l-inizjattiva biex jgħin il-proġett ta’ Dar Bjorn Respite u aħna ħa nkunu qed niġru miegħu biex naraw li jagħmel din it-tellieqa.”
Ftit wara li lesta l-ġirja, Kruiven baqa’ ġej l-istazzjon ONE.
“Ħassejtni tajjeb ħafna u għidt minix ħa nasal imma wasalt u għidt din kienet għal Bjorn.”
Kruiven diġà qed jaħseb biex is-sena d-dieħla, jerġa’ jagħmel din l-isfida.
“Ħassejtni tajjeb ħafna u ħafna għax x’ħin rajt il-flus telgħin, għidt ħa ngħin ħafna lil Bjorn u għidt li din ħa nerġa’ nagħmilha ħalli ngħin iktar u iktar.”
Għal din l-inizjattiva nħolqot pjattaforma online fejn in-nies jistgħu jibagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.
Il-fondi li nġabru, se jmorru għal servizz ġdid li se toffri Dar Bjorn Respite, għal għajnuna temporanja lil pazjenti b’mard newroloġiku.