Dalgħodu għall-ħabta tal-għaxra u kwart, seħħ inċident tat-traffiku fi Triq Santa Katarina, iż-Żejtun.
Il-Pulizija mid-Distrett marru mmedjatament fuq il-post fejn minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li tifel ta’ sitt snin intlaqat minn karozza Mercedes Benz, misjuqa minn mara ta’ 28 sena residenti ż-Żejtun.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ħa lit-tifel l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li jinsab f’qagħda kritika.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija mill-Għassa taż-Żejtun dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.