Dan huwa Jack, iċ-ċkejken ta’ sentejn li meta jkun għadu lanqas bexbex, flimkien ma’ missieru Reuben jerħilha għar-razzett ta’ Santa Marija qalb l-annimali u l-art għammiela fil-limiti ta’ Ħal Qormi.
Imnissla f’Jack minn nannuh u missieru hemm passjoni kbira għall-biedja u t-trobbija tal-annimali. Kmieni filgħodu tarah jagħlef il-bhejjem, fosthom fniek, nagħaġ u tiġieġ sabiex eventwalment iwasslu l-bajd, il-ġbejniet u l-ħalib fid-djar tan-nies.
Ma’ ONE News, missier iċ-ċkejken spjega li Jack ilu minn età ferm iżgħar imur miegħu fir-razzett, u llum ġurnata jagħmel ix-xogħol tipiku ta’ raħħal.
Reuben Azzopardi. missier jack qalilna li “L-ewwel darba li tellajtu kellu five days, kien għadu kif twieled u prattikament dejjem intellgħu miegħi, kif trabbejt jiena bażikament, jara lili u jagħmel bħali…Inġibu miegħu hawn filgħodu nitimgħu l-annimali flimkien u jgħinni, fl-għelieqi, qisu raġel żgħir għalija”.
B’qalbu mimlija tama Reuben qalilna li Jack donnu se jkun it-tielet ġenerazzjoni li jmexxi dan ir-razzett, biex il-produzzjoni tal-bajd u l-ġbejniet fil-Familja Azzopardi ma’ tmut qatt.
Iżda għall-poplu Malti u Għawdxi Reuben kellu appell ċar.
Azzopardi temm jgħid li “Hemm bżonn li issir xi ħaġa għax hi tradizzjoni ma jistax ikun tinqata u tmut għax imutu l-bdiewa imut kollox għax nieħdu ħsieb l-ambjent, l-għelieqi, siġar, hemm bżonn jitrawmu”.
Għalkemm fil-ġimgħat li ġejjin Jack se jibda l-iskola, missieru qalilna li xorta waħda se jibqa’ jieħdu miegħu fir-razzett biex din in-namra ma’ tintiliflux.
B’tislima mingħand Jake, ħallejna lilu u lill-familja tiegħu jkomplu x-xogħol fir-razzett biex eventwalment iwasslulna frott il-art u xogħol il-bniedem li minnu jsir l-ikel għalina.