Gabriel. Iċ-ċkejken ta’ disa’ snin li jgħix ħajtu b’kundizzjoni newroloġika li xxekklu milli jimxi jew iżomm bilanċ.
Din is-sena Gabriel flimkien ma’ ommu Marcelle u missieru Mario, kellhom jivvjaġġaw għal xahar sħiħ lejn l-Amerka, ’il bogħod minn għajn u qalb oħtu Naomi u ħuh Luke.
Dan għaliex kellu jagħmel interventi mediċi li jgħinuh jgħix ħajtu b’aktar kumdità.
“Ovvjament tgħidli, intom kontu tafu, kontu ċerti li kellkom fiduċja fih l-ispeċjalist mela le, imma xorta jibqa’ l-fatt illi jkun hemm dik it-tbatija ta’ qabel. Għaddiet minn ħafna l-familja. Issa ehe hemm dik is-sens ta’ serħan il-moħħ. Fl-aħħar qisna ġejna fil-post fejn kwalunkwe familja jistħoqqilha.”
Gabriel kellu jiġi operat sena qabel iżda minħabba l-pandemija, dan ma kienx possibbli.
“Iktar ma ttawwal, iktar hemm ċans li t-tifel jiggrava allura mbagħad dis-sena ddeċidejna jien u Marcelle, għidna jiġri x’jiġri dis-sena, nagħmlu minn kollox biex immorru u rnexxielna fl-aħħar mill-aħħar.”
Wara snin ta’ uġigħ u żewġ operazzjonijiet, Gabriel beda jqum fuq saqajh.
“Viżwalment, stajt tarah mill-ewwel. It-tifel dritta, l-għebusija li kellu marritlu. It-tifel wara raqda bil-lejl kien ikun mgħawweġ ġanċ. Ġieli konna nagħtuh paracetemol, minjaf kemm tilef skola Gabriel propju minħabba f’hekk. U issa jiġifieri l-irqad tiegħu, tarah dritt, tarah rilassat, inqas tense.”
Minkejja l-kambjament kbir li għamel, Gabriel għandu triq twila quddiemu.
“Ma nistgħux nippretendu li, għax hemm min jistaqsik ‘Mela t-tifel mhux qed jimxi?’ It-tifel jimxi, qed jagħti l-pass però hemm il-fażi ta’ rijabilitazzjoni u r-rijabilitazzjoni tieħu ż-żmien. Aħna qisna ħa nibdew mill-bidu, qisek għandek tarbija ħa tikseb terġa’ l-milestones tagħha.”
Il-ġenituri taċ-ċkejken b’kuraġġ ta’ sur, qalulna li binhom huwa simbolu ta’ perseveranza.
“Ma qatax qalbu, baqa’ sejjer jiġifieri wara t-tieni operazzjoni, propju wara l-PERCS, erba’ sigħat wara niżluh minn fuq is-sodda u għamel l-ewwel pass, uġigħ u mhuwiex, għamel l-ewwel pass.”
Omm Gabriel qaltilna li qegħdin jiskopru bosta affarijiet ġodda ma’ binhom, fosthom li t-tifel issa jista’ jehmeż.
Qabel telaq ipassi bilmod, hemiżna waħda wkoll.