Rejd mill-uffiċjali tal-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzju tad-Droga tard il-Ħamis filgħaxija wassal għall-arrest ta’ żewġt aħwa Karkariżi, wieħed ta’ tmintax u ieħor ta’ tnejn u għoxrin sena minn Birkirkara.
Ir-rejd sar f’dar fi Triq Santa Tereża li kienet qed tintuża għat-traffikar tad-droga. Il-ħidma tal-uffiċċjali tal-pulizija wasslet mhux biss għal sejba ta’ diversi drogi, iżda wkoll ta’ omm ta’ erbgħa u erbgħin sena u binha ta’ tmien snin li kien qed jiġi espost għad-droga.
Il-Pulizija qalet li r-rejd sar wara li għal diversi jiem, il-pulizija osservat bosta żgħażagħ deħlin u ħerġin mill-istess dar, f’diversi ħinijiet tal-ġurnata.
Fid-dar instabu pakketti bi droga sintetika lesta biex tiġi ttraffikata, qratas bil-pjanta kannabis u ammont ta’ pilloli suspettati ecstasy.
Instabu wkoll ammont ta’ flus kontanti, arloġġi u ħwejjeġ oħra li għadu qed isir l-stħarriġ dwarhom.
Il-Pulizija qalet li wara s-sejba, talbet għall-għajnuna tal-uffiċjali mit-Taqsima tal-Protezzjoni tat-Tfal fi ħdan l-Aġenzija Appoġġ li minnufih marru biex il-post biex jieħdu ħsieb l-interess tat-tifel ta’ tmien snin.
Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu lil ONE NEWS li bħalissa l-Aġenzija Appoġġ qed issegwi mill-qrib dan il-każ pjetuż.
Il-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea ħatret bosta esperti sabiex jgħinuha fl-inkjesta li ġiet appuntatata.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-invesitgazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ. Huwa mifhum li l-aħwa jitressqu l-qorti fis-sigħat li ġejjin.