Tifel ta’ 7 snin iweġġa’ gravi wara li waqa’ għoli ta’ madwar sular.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tal-10.30 f’dar fi Triq Santa Marija, il-Gudja.
Il-Pulizija marret fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li t-tifel, sofra xi ġrieħi wara li waqa’ madwar sular minn taraġ tar-residenza.
It-tifel ittieħed l-isptar Mater Dei.
F’inċident separat, raġel ta’ 56 sena mill-Qala weġġa’ gravi wara li waqa’ fil-Qala stess.
L-inċident seħħ ilbieraħ għall-ħabta tas-6.30 ta’ filgħaxija fi Pjazza l-Isqof Mikiel Buttiġieġ.
Il-Pulizija marret mill-ewwel fuq il-post u hemmhekk irriżulta li r-raġel kien waqa’ minn fuq kaxxa ta’ trakk, li kien ipparkjat.
Huwa ngħata l-assistenza minn tim mediku u wara ttieħed l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar iż-żewġ każijiet għadhom għaddejjin.