Tifel ta’ tliet snin jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ minn irdum fl-Aħrax tal-Mellieħa.
Il-każ seħħ għall-ħabta tat-tlieta ta’ dalgħodu daħal rapport li t-tifel kien telaq minn fejn il-familjari tiegħu u ma setax jinstab minnhom fiż-żona tal-campsite fl-inħawi tal-Aħrax tal-Mellieħa.
Minnufih marru uffiċjali tal-Pulizija u sejħu għall-assistenza mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u anki tim mediku.
Ftit tal-ħin biss wara li bdew it-tfittxijiet taħt l-irdum, it-tfajjel intlemaħ. Huwa ttella minnufih mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili u wara ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza.
Il-Maġistrat tal-Għassa Giannella Camilleri Busuttil kienet informata bil-każ u ħatret inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.