Matul il-jum il-Pulizija tkellmet mas-suspettati li l-Ġimgħa wara nofsinhar darbu liż-żagħżużgħ Liam Debono fiż-żona industrijali ta’ Ħal Luqa.
ONE News hu nfurmat li fost il-5 suspettati arrestati mill-Pulizija s-Sibt filgħodu hemm tifel ta’ 15-il sena u persuna oħra magħrufa mal-Pulizija.
Wieħed mis-suspettati jidher li qed jikkopera mal-Pulizija tant li rrakonta dak li ġara lill-investigaturi.
Sorsi qrib il-Pulizija qalu li l-filmati elevati minn kameras tas-sigurtà fiż-żona ndustrijali ta’ Ħal Luqa juru b’mod ċar dak li seħħ il-Ġimgħa għal ħabta tas-14:30. Dan meta Debono ħareġ minn fuq il-post tax-xogħol tiegħu fl-istess żona.
Debono bħalissa jinsab bil-ħelsien mill-arrest fuq l-attentat tal-qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri meta saq għal fuqu bil-karozza f’Mejju li għadda.
Sorsi qrib il-Pulizija qallu kif kien Debono stess li għarraf lill-Pulizija bis-suspettati li allegatament sawtuh.
Huwa għamel dan meta ġie mitkellem mill-Pulizija ġewwa l-Għassa eżattament x’ħin ħareġ mill-Isptar Mater Dei, fejn ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi ħfief.
Liam Debono ta’ 17-il sena mlaqqam il-‘Lillu’ ġarrab ġrieħi f’wiċċu, u dan jixhdu l-istessu li hu tella fuq il-midja soċjali fejn irrimarkara l-fatt li waqt l-ġlieda kienu ħamsa kontra wieħed.
ONE News hu nfurmat li matul l-aħħar siegħat l-investigaturi stabilixxew li l-attakk fuq Debono ma’ kellhu x’jaqsam xejn mal-każ ta’ Simon Schembri.
Iżda l-istħarriġ li sar qed jindika li allegatament il-mottiv wara dan l-attakk seta kien marbut ma’ tfajla.
Jidher ukoll li l-argumenti bejn il-partijiet ilhom għaddejjin għal dawn l-aħħar jiem, madankollu eskalaw wara li allegatament Debono sfida għal ġlied.
L-istess sorsi qalu li l-5 suspettati rrikorew għand il-Pulizija huma, wara li l-Pulizija kkuntatjatom u għarfitom bl-involviment tagħhom fl-allegat ġlieda tal-Ġimgħa wara nofsinhar.
Mhux qed jiġi eskluż li fis-siegħat li ġejjin jibdew jitressqu xi nies il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ.
Intant fl-aħħar jiem Debono kien ukoll fl-aħbarijiet wara li l-Qorti waqqfet milli tixxandar intervista miegħu u mal-Kuntistabbli Simon Schembri fuq il-programm Xarabank.
F’Settembru li għadda, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €40,000.