Tifel ta’ erbatax-il sena se jinżamm fil-ħabs tat-tfal u tfajla ta’ sittax-il sena nħelset mill-arrest wara li fil-Qorti ammettew għal akkużi ta’ sewqan taħt l-età u attentat ta’ serq minn vettura.
Fil-Qorti nstema’ kif fl-għoxrin t’Awwissu, uffiċjal tal-Pulizija pajżan sema’ ħoss barra d-dar tiegħu.
X’ħin mar jiċċekkja minn fejn kien ġej il-ħoss, huwa ra tifel b’rasu ġol-bonnet u nduna li l-karozza kienet tal-ġar tiegħu.
It-tfajla ġiet akkużata li kienet qiegħda mat-tifel waqt ir-reat.
L-ismijiet tal-akkużati ma jistgħux jixxandru fuq ordni tal-Qorti.
Fl-awla ngħad kif fit-tmintax t’Awwissu, waqt rondi tal-Pulizija ntlemaħ mutur li kien qed jinstaq minn persuna ta’ statura żgħira.
Huma avviċinaw lit-tifel, li malli ra lill-Pulizija, ħarab minn fuq il-post u saq b’mod perikoluż.
Intqal kif il-Pulizija rnexxielha tidentifika t-tifel bħala l-imputat mit-tpinġija ta’ salib li għandu fuq wiċċu.
Din ma kinitx l-ewwel darba li t-tifel saq mingħajr liċenzja, hekk kif aktar kmieni din is-sena, l-istess tifel deher f’filmat fuq il-midja soċjali jsuq karozza.
Fil-Qorti, it-tifel deher emozzjonat waqt is-seduta, u meta ġie spjegat li se jinżamm fil-ħabs tat-tfal, infaqa’ jibki fl-awla.