Fl-2019, Caritas Malta rat 732 persuna jersqu għall-għajnuna bi problema ta’ abbuż tad-droga li minnhom 186 kienu klijenti ġodda u 15% kienu nisa.
L-età l-aktar komuni kienet ta’ 33 sena, l-iżgħar fosthom ta’ 14-il sena u l-akbar ta’ 64 sena.
Ħdax-il raġel u mara, li tnejn minnhom huma priġunieri, temmew b’suċċess u gradwaw mill-programm ta’ rijabilitazzjoni tad-droga tal-Caritas
Għat-tieni sena konsekuttiva l-akbar numru ta’ pazjenti kellhom problema primarja bl-użu tal-kokaina, filwaqt li li 30% oħra ta’ dawk li ressqu għall-għajnuna għamlu dan minħabba d-dipendenza fuq l-eroina.
Fl-2019 Caritas Malta rat l-akbar perċentwal (24%) tal-klijenti li resqu minħabba d-dipendenza fuq il-kannabis.
Din l-istatisika ħarġet propju f’ċerimonja ta’ ferħ, fejn fiha 11-il raġel u mara, li tnejn minnhom huma priġunieri, temmew b’suċċess programm ta’ rijabilitazzjoni ma’ Caritas Malta.
F’kummenti, id-Direttur tal-Caritas Malta Anthony Gatt qal li mal-gradwazzjoni issa dawn se jmissu mar-realtajiet u jibdew japplikawhom mal-ħahha tagħhom.
“Ir-residenti jgħidulna li mal-gradwazzjoni jibda l-programm ta’ veru dak tal-ħajja u jibdew l-isfidi li inti taffaċja meta int tkun hemm barra.”
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll Dun Victor Grech, figura importanti għall-Caritas li qatta’ ħajtu jaħdem għall-persuni bil-vizzju droga. Lit-tnax-il gradwat Monsinjur Grech qalilhom li huwa importanti li jifhmu li jridu jibqgħu jinbidlu kuljum u jkunu kapaċi jagħmlu dan hekk kif jgħarfu li huma dgħajfa.