Ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-19.00p.m intlaqtet persuna minn vettura fi Triq Sant’ Andrija, San Ġiljan.
Minn stħarriġ preliminari rriżulta li tifel ta’ 12-il sena għal xi raġuni safa’ milqut minn vettura tat-tip King Long wara li kien qiegħed jipprova jaqsam it-triq.
Il-vettura kienet qiegħda tinstaq fid-direzzjoni lejn Baħar iċ-Ċagħaq minn raġel ta’ 53 sena residenti Ħal Kirkop. It-tifel li huwa Irlandiz ittieħed l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Bil-każ giet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr D Clarke LLD. li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-Inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.