Tifel ta’ għaxar snin inqatel wara li waqgħat biċċa għamara tal-vetrina fuqu f’ħanut tal-ħwejjeġ.
Il-każ seħħ fl-Ingilterra u l-vittma huwa Kaden Reddick ta’ għaxar snin. Huwa kien fil-ħanut Topshop flimkien ma zitu, meta sofra ġrieħi li ħallewh mejjet. Dan il-ħanut jinsab fl-Oracle Shopping Centre ta’ Reading. Kien qed igawdi l-ewwel jum tal-btajjel ‘half-term’, u spiċċa tilef ħajtu.
Issa d-ditta Topshop ordnat biex din l-għamara titneħħa immedjatament mill-ħwienet kollha madwar id-dinja. Hemm madwar 300 ħanut, inkluż hawn Malta.
L-għamara bajda tinsab fejn il-klijenti jistennew biex iħallsu u jkun fiha ġojjelli, kalzetti, ingwanti, affarijiet tax-xagħar u anke ħelu.
Mhux magħruf jekk Kaden ġibidx l-għamara fuqu stess jew inkella imbuttaha xi ħadd fuqu hu u għaddej.