Żewġ ġuvintur ta’ 15 u 14-il sena rispettivament qed jinżammu taħt arrest preventiv, wara li fil-Qorti ċaħdu l-akkużi ta’ serq ta’ erba’ vetturi, pjanċi ta’ reġistrazzjoni, serq minn ġo vetturi u li kkawżaw ħsarat fuq vetturi fosthom karozza tal-Pulizija, fost akkużi oħra.
Meta l-Maġistrat Doreen Clarke ordnat li ż-żewġ żgħażagħ jinżammu arrestati, dak li jgħodd 14-il sena rreżista l-arrest u nstema’ jgħajjat biex iħalluh kwiet inkella se jkisser l-awla.
Il-Pulizija spjegat li l-Ħadd waranofsinhar, Pulizija tar-Rapid Intervention Unit innutaw vettura li kienet qed tinstaq b’mod suspettuż, waqt li kienu qed jagħmlu ronda f’Ħaż-Żebbuġ.
Ftit wara huma ġew infurmati l-karozza tal-għamla Isuzu Gemini kienet irrappurtata misruqa dakinhar stess filgħodu, minn Birkirkara.
Kif induna bil-Pulizija, il-ġuvni ta’ 14-il sena beda jsuq f’bosta toroq biex jevita l-pulizija.
Intqal li f’daqqa waħda, il-vettura waqfet u l-ġuvintur ippruvaw jaħarbu bil-mixi iżda ġew arrestati ftit tal-ħin wara.
Minn aktar investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Birkirkara rriżulta ukoll li bejn it-22 u l-24 ta’ Ottubru ż-żewġ żgħażagħ allegatament serqu vettura tal-għamla Nissan Micra minn San Pawl il-Baħar, BMW 3 series minn Marsaskala, pjanċi ta’ żewġ vetturi minn tal-Pietà u serqu wkoll diversi oġġetti minn żewġ vetturi f’Ħaż-Żebbuġ u Marsaskala.
Il-ġuvni ta’ 14-il sena kien akkużat waħdu li fit-12 t’Awwissu li għadda seraq Suzuki Samurai min-Naxxar, seraq mobile bi vjolenza minn Birkirkara fil-bidu tax-xahar t’Ottubru u li kkommetta reati waqt li kien fuq probation.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christabelle Chetcuti.