Qed ikun irrapportat li tifel twieled l-isptar Mater Dei il-Ħadd filgħaxija wara li sigħat qabel ajruplan tal-linja tal-ajru Turkish Airlines tniżżel Malta b’urġenza minħabba li l-omm kienet se twelled.
It-titjira telqet mit-Turkija u kienet destinata lejn il-Mali.
ONE News tkellem mal-Inġinier Kenneth Chircop, Kap Eżekuttiv tas-Servizzi tat-Traffiku tal-Ajru f’Malta, li qal kif it-talba għall-għajnuna f’dan il-każ daħlet ftit qabel is-sitta tal-Ħadd filgħaxija.
Hawn spjegalna d-differenza bejn li ajurplan fl-ispazju tal-ajru Malti jitlob għal inżul ta’ emerġenza, jew inżul ta’ urġenza, kif kien il-każ tat-titjira li fuqha kien hemm l-omm li weldet Malta l-Ħadd. “Il-bdot jgħid lill-kontrollur li għandu sitwazzjoni ta’ Mayday, jiġifieri emerġenza, li tfisser li jew l-ajruplan qiegħed f’periklu, jew hemm periklu imminenti għal xi ħadd fuq l-ajruplan. Hemm ukoll il-Pan pan, jiġifieri li m’hemmx emerġenza. Jista’ jkun hemm emerġenza medika, imma fil-qasam tal-avjazzjoni dik hija urġenza biss”, spjegalna l-Inġinier.
Minn hemm jiskatta proċess stabbilit skont it-talba li jkun għamel il-bdot. Fil-każ tal-inżul ta’ urġenza l-Ħadd, intalbet biss għajnuna biex il-mara tittieħed l-isptar għall-kura xierqa.
Chircop kompla jispjega li “b’differenza għall-emerġenza, la nsejħu pumiepera, xejn. Huwa nżul normali imma jekk kellek ajruplan ieħor li dak il-ħin kien se jinżel jew jitlaq minn Malta, jingħata direzzjoni oħra biex l-ajruplan li ddikjara l-Pan pan jinżel kemm jista’ jkun malajr.”
L-Inġinier Chircop spjegalna wkoll li talba għal inżul ta’ urġenza f’Malta hija pjuttost xi ħaġa rari, u t-talba għal Mayday hija ftit aktar frekwenti.
“Min-naħa ta’ emerġenza, għalkemm tinstema’ aktar tal-biża’, jkunu aktar frekwenti. Ma jfissirx li se jkun hemm ajruplan li se jiġġarraf, jista’ jkun sempliċiment xi ħaġa teknika li l-bdot mhux komdu biha u jħoss li jkun aħjar li l-ajruplan jingħata l-attenzjoni. Minn dawn ġieli jkollna darbtejn f’sena imma ovvjament ivarjaw minn sena għal oħra”, qal Chircop.
Skont is-sitwazzjoni, l-ajruplan bil-bqija tal-passiġġieri abbord jinżamm l-art sakemm ikun sigur biżżejjed biex ikompli triqtu għad-destinazzjoni tiegħu. F’każ ta’ nżul ta’ emerġenza kawża ta’ xi problema teknika, l-ajruplan kapaċi jinżamm Malta għal jiem sħaħ.
L-Inġinier Chircop temm jispjegalna wkoll li xogħol il-kontrollur f’dawn is-sitwazzjonijet ikun komplut biss malli l-ajruplan jitfi l-magni tiegħu kompletament.